19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
L-assoċjazzjoni ta’ l-isnuker hi waħda tad-dilettanti - Alex Borg

Baqgħet tidwi f’moħħi frażi partikolari li qalli dan il-personaġġ.
“L-assoċjazzjoni ta’ l-isnuker ta’ pajjiżna hi waħda tad-dilettanti.” Matul dawn is-sagħtejn stajt ninnota raġel imweġġa’, li għax hu espert ta’ din il-logħba u jaf l-affarijiet professjonali kif isiru, jixtieq li f’Malta l-appelli tiegħu u ta’ sħabu l-plejers, ma jaqgħux fuq widnejn torox.
Fuq siġġu, jistrieħ b’id waħda fuq l-iskrivanija u jaħseb għal darba u darbtejn qabel jirrispondini, Alex sab il-ħin u l-kuraġġ li għal kull domanda li għamiltlu jwieġeb bl-akbar sinċerità, anke jekk kien hemm minnhom li setgħu kienu kontroversjali.
Personalment ftit nafu, taqta’ għal dawn l-aħħar xhur fejn beda jattendi l-Juventus Club Malta jsegwi l-partiti tat-tim ta’ qalbu. Jekk ma tkunx smajt bih, jew b’xi mod ma tkunx familjari ma’ wiċċu, ma tobsor qatt li quddiemek għandek champion ta’ l-isport Malti u aktar minn hekk, champion Ewropew għal dawn l-aħħar sentejn.
Għall-gżira ta’ anqas minn 400,000 ruħ diffiċli biex ikollna persuna fuq pedestall għoli daqshekk.
Alex twieled fil-5 ta’ Ġunju 1969. Trabba fil-Mellieħa. Kien proprju hemm fejn ta l-ewwel kolp tiegħu bl-istikka, fiċ-ċentru parrokjali tar-raħal fl-età ta’ tmien snin.
Dak li rebaħ s’issa fil-karriera, mhux xi ħaġa li jagħmel kulħadd. L-ewwel unur tiegħu jmur lura għas-sena 1990 meta dak inhar għeleb lil Tony Drago 8-4 fil-finali tar-Rothmans Pro Am Tournament. Alex qatt ma ħares lura. Minn dak inhar sar sitt darbiet champion ta’ Malta, darbtejn champion ta’ l-Ewropa ta’ l-individwali u darbtejn oħra bħala tim, flimkien ma’ Simon Żammit, Duncan Bezzina u Ġużi Grech.
Bħala tim ukoll rebaħ il-Continental Cup tliet darbiet, flimkien ma’ Ġużi Grech, Arthur Cachia, Simon Camilleri u Pawlu Mifsud. L-unur tal-Mediterranean Cup, jinsab ukoll fil-lista ta’ l-almanakk sinjur tiegħu.
Imma wieħed jistaqsi, min hu personalment Alex Borg? “Inħobb l-isports kollu, l-aktar il-futbol Taljan…jien Juventin kbir. Imma l-isnuker joħodli ħafna ħin u mhux dejjem ikolli ċans insegwihom. Fil-ħin liberu dilettant ukoll ta’ xi sajda, tipikament Mellieħi.”
Interessanti kif minn tant sports li wieħed jista’ jipprattika persuna tagħżel l-isnuker. Fettilli għamilt din il-mistoqsija lil Alex.
“Kont immur id-duttrina taċ-ċentru parrokkjali tar-raħal u niftakar li kien hemm billiard żgħir li mill-ewwel għoġobni. Kont norqod u nqum fuqu, u ta’ 12-il sena, kont nitħarreġ tmien sigħat kuljum. Il-mejda tal-pannu kienet l-istudju tiegħi. Imma fl-iskola xorta kont tajjeb. Wasalt sas-Sixth Form, imbgħad qbadt naħdem.”
Jien nemmen li plejer kbir trid titwieled. Id-don irid ikun fik mill-bidu u maż-żmien issib min ikompli jiżviluppak fit-talenti tiegħek sakemm tilħaq il-quċċata. Hekk ġralu Alex.
“L-opportunità biex wasalt s’hawn tahieli l-Każin Laburista tal-Mellieħa. Niftakar li kien kellimni l-president Michael Buttiġieġ u offrieli li nibda nitħarreġ b’xejn fuq l-isnuker tal-każin. Lilhom irrid ngħid grazzi kbira.
Kienu bdew idaħħluni fil-kompetizzjonijiet taċ-Championships Nazzjonali. Niftakar li l-ewwel darba kienet fil-kompetizzjoni ta’ taħt it-18-il sena, lura fl-1982. Għal sena wara oħra bqajt nikseb promozzjoni fuq oħra sakemm fl-1987, lgħabt l-ewwel finali tiegħi ta’ Malta u tlift ma’ Ġużi Grech 8-3. Minn hemm ma ħaristx lura”.
Diffiċli biex wieħed jiġġudika liema kien l-ikbar sodisfazzjon s’issa fil-karriera ta’ Alex. Imma mingħajr ma ħasibha darbtejn mill-ewwel qalli li ma jinsa qatt l-unuri taċ-Championships Ewropej li rebaħ. Baxxa rasu, u b’leħen irqiq u kommoss qalli, “L-ewwel wieħed fil-Polonja ma nista’ ninsih qatt għax jumejn qabel tlift lil missieri.” Ħasadni, għax stajt nifhem iċ-ċirkostanzi li jkun jinsab fihom bniedem f’mumenti bħal dawk. “It-tieni wieħed li rbaħtu fir-Rumanija f’Ġunju li għadda, ukoll kien sabiħ għax minbarra li ddefendejt b’suċċess l-ewwel titlu, rbaħt it-12-il logħba li lgħabt u waqqaft rekord Ewropew ta’ 24 rebħa konsekuttiva, inkluż it-12 li rbaħt fil-Polonja.”
L-isport fih il-pjaċir u s-sodisfazzjon tiegħu, imma bħal kull ħaġa oħra, d-delużjonijiet ma jonqsux. “L-akbar dispjaċir tiegħi kienet finali oħra Ewropea tas-sena 2004 fl-Awstrija. Tlift kontra Mark Allen 7-6, bl-aħħar frame joħoduli black to win.”
Il-logħba ta’ l-isnuker offriet lid-dilettanti bosta plejers kbar li ma jintesew qatt. Kurjuża r-risposta ta’ Alex meta staqsejtu liema jaħseb li hu l-aqwa plejer li qatt ipproduċiet id-dinja ta’ l-isnuker.
“Bla dubju Stephen Hendry. Laħaq livelli fis-snin ’90 li diffiċli biex wieħed jagħmel bħalu. Biżżejjed wieħed jara dak li rebaħ. Inħoss li kellu xi ħaġa aktar minn kull plejer ieħor, bħal Maradona fil-futbol.”
B’rasi nagħmel sinjal li qbilt miegħu u fil-pront nilmaħ almanakk ta’ l-isnuker b’wiċċ Paul Hunter fuqu. Lil Paul kont nafu ftit. Iltqajt miegħu darbtejn u l-impressjoni li kelli fuqu, kompla saħħaħhieli Alex. Kien għadu kif miet u ġejt bejn ħaltejn insaqsihx fuqu. Għamilt il-kuraġġ. “Kien tifel dħuli u ma ssib xejn ħażin xi tgħid fuqu. Kien raġel ta’ veru. Traġedja għal logħba ta’ l-isnuker u għal familtu wkoll. Kellimtu l-aħħar fl-edizzjoni tal-Malta Cup li għaddiet. Ta’ 28 sena ma kellux jerġa’ jiġi…”.
Wara għaddejna għall-kontroversja li qamet fil-media lokali bejn il-federazzjoni ta’ l-isnuker u l-plejers. Milli jidher, Alex kien imdaħħal sew fiha.
“Ir-relazzjoni tiegħi mal-għaqda qatt ma kienet ħażina. Imma nħoss li l-awtoritajiet konċernati, qatt ma taw lil dan l-isport ir-rikonoxximent mixtieq. L-assoċjazzjoni ta’ l-isnuker ta’ pajjiżna hi waħda tad-dilettanti. Dan huwa sport li ġab l-ikbar suċċessi lil pajjiżna. L-assoċċjazzjoni qatt m’appoġġjat lill-plejers u meta ppruvajna nitkellmu, ġieli ġejna kkastigati.
Jien m’għandiex dubju li ż-żewġ naħat iridu l-ġid lil logħba. Imma min imexxi jrid jifhem li biex ikomplu jinkisbu s-suċċessi tal-passat, irid jaħdem biex iġib aktar finanzi mingħand il-gvern, il-Kumitat Olimpiku Malti, eċċ. U b’finanzi sodi jkun ifisser li minn dilettant, taqleb għall-professjonali.”
Sab pawsa u waqaf ftit. Htaft l-opportunità u erġajt staqsejtu jekk kontx smajt sew meta qalli li l-assoċjazzjoni ta’ l-isnuker hi waħda tad-dilettanti. “Inħoss li meta nsejħilhom dilettanti, nkun qed infaħħarhom. Irrid nagħmilha ċara li mhux qed ngħid hekk biss għall-assoċjazzjoni preżenti. Ilna snin twal bl-istess problemi. Fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar żmien ta’ l-assoċjazzjoni u l-plejers, kien meta kellna lil Dr. Ronald Cuschieri president. Imma minn dak iż-żmien l’hawn, erġajna morna lura, għalkemm l-unuri mix-xena internazzjonali baqgħu ġejjien. Immaġina plejers li jkunu sejrin jilagħbu għal Malta u b’ċans tajjeb li jġibu l-unur, u l-istess plejers ikunu jridu jieħdu ħsieb jibgħatu l-entry forms, jibbukjaw il-vjaġġ u l-lukanda huma, u jibagħtu r-riżultati huma wara l-logħba għax delegat Malti ma jkunx hemm. Dan minbarra li ġieli jispiċċaw joħorġu ħafna flus mill-but. Mhux bilfors tasal tgħid li l-assoċjazzjoni tagħna hija tad-dilettanti. Bħalissa għaddejien il-kampjonati mondjali ta’ l-isnuker ta’ l-IBSF fil-Jordan. Hemm 43 pajjiż jieħdu sehem u l-uniku pajjiż nieqes huwa Malta. Minn possibilità ta’ ħames plejers Maltin li setgħu jieħdu sehem, l-assoċċjazzjoni anqas kellha flus biex tibgħat imqar wieħed. Allura dan mhux faqar fi sport li ġab tliet kampjonati mondjali, erba’ oħra Ewropej u tant suċċessi oħra? B’kuntrast għal dan, assoċjazzjonijiet ta’ l-isnuker barranin jieħdu ħsieb il-plejers tagħhom u jippreparawhom bl-aħjar mod. Meta plejer tagħhom jirbaħ unur jiġi ppremjat b’bonus kbir. L-assoċjazzjoni Maltija għandha 27 klabb reġistrat magħha u tista’ tgħid li m’hawnx aktar minn sitt imwejjed f’Malta li huma tajbin biex fuqhom isir il-logħob tal-Premier.
Jiddispjaċik tara l-KOM tinjora kompletament is-suċċessi li nġibu. Wara dak kollu li rbaħna s-sena l-oħra, dan il-kumitat għadu s’issa ma bgħatx imqar stqarrija biex jifirħilna, jew imqar rappreżentant minn tiegħu l-ajruport biex jilqagħna, kif għamel fi sport ieħor.”
L-assoċjazzjoni għandha president ġdid, Frans Buġeja. “Nixtieq li s-sur Buġeja u l-kunsill il-ġdid ta’ l-assoċjazzjoni jagħtu kas ta’ dawn l-appelli u l-problemi li semmejt għax inkella l-ftit żgħażagħ li għandna jippromettu, se jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u l-logħba se tmut mewta naturali fi żmien qasir”.
Alex m’huwiex l-uniku Malti li rnexxa f’dan l-isport. Ismijiet bħal Tony Drago, Pawlu Mifsud, Ġużi Grech, Simon Żammit u Duncan Bezzina huma kollha ħbieb kbar tiegħu.
“Dawn huma plejers ta’ kull tifħir għax għamlu l-istorja ta’ l-isnuker ta’ pajjiżna. Imma sfortunatament ma tantx ġew rikonoxxuti.”
Kien sar il-ħin. Domt aktar milli ħsibt. Qatt m’għaddieli minn rasi li kont se nsib persuna daqshekk imħejjijha, interessanti biex titkellem magħha u ċerta minn dak kollu li tkun qed tgħid. Staqsejtu l-aħħar mistoqsija li tikkonċerna l-futur tiegħu. “Għadni għatxan għas-suċċessi u sakemm nibqa’ motivat, ma nħossx li għandi nieqaf. Diġà għandi tieqa miftuħa biex nikkowċja barra l-pajjiż, imma l-logħba kompetittiva nħobbha aktar. Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-familja tiegħi, lill-każin Laburista tal-Mellieħa ta’ l-opportunità li tawni u lill-kumpanija Maltacom, speċjalment lil sħabi ta’ l-uffiċċju. Ma nistax ninsa ngħid grazzi lil Joe ta’ l-isponsor tiegħi, Żmerċ Pub”.

mattard@mediatoday.com.mt