19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Clare Azzopardi

Franica Pulis

Fuq xiex inhuma msejsin l-istejjer ta’ Il-Linja l-Ħadra?
Huma fuq nies partikulari li ltqajt magħhom jew għext magħhom jew osservajthom mill-bogħod. B’xi mod jew ieħor il-vuċi tagħhom baqgħet tidwi f’moħħi sa ma niżżiltha fuq karta. F’dawn l-istejjer hemm ilħna ta’ immigranti irregolari, żgħażagħ u tfal vulnerabbli sfruttati mill-kbar, nisa bi problemi psikoloġiċi... Il-vuċijiet differenti jżewqu lill-istejjer li permezz tagħhom joħorġu wkoll diversi problemi soċjoloġiċi li jien iddeċidejt nikteb fuqhom.

X’jispirak?
Naqra ħafna letteratura kontemporanja. Jispirawni awturi bħal Irvine Welsh, Raymond Carver, Peter Carey, Dacia Maraini u Alda Merini fost ħafna oħrajn. Mill-kontemporanji Maltin jinfluwenzawni ħafna Immanuel Mifsud, Adrian Grima u Maria Grech Ganado.
Jispirawni wkoll in-nies. Dak li jgħidu u dak li jagħmlu. Jispirawni l-istejjer tagħhom, il-mod kif jirrakkuntawhom, il-mod kif jgħixuhom…

Hemm xi ġeneru li tippreferi minn ieħor?
L-iktar li togħġobni hija n-novella li taffaxxinani għax hi konċiża. Il-konċiżità tagħha tirrestrinġik, fis-sens li ma tħallikx tagħti dettalji żejda, ma tħallikx iddur mal-lewża, ma tagħtikx ħin biżżejjed u tiddixxiplinak. Titlob ħafna ħsieb u trid tinkiteb malajr. Novella tajba tħallik taħseb għal tul ta’ żmien wara li taqraha.

Hemm xi ġeneru li tixtieq tesperimenta bih?
Għalissa kuntenta nesperimenta bin-novella. Forsi ’l quddiem nesperimenta wkoll bir-rumanz, imma mhux għalissa.

Kotba/proġetti għall-futur?
Bħalissa qed naħdem fuq żewġ stejjer għall-kbar: waħda fuq Riga, wara li qattajt xahar naħdem hemm, u l-oħra fuq ħajjet ħabib tiegħi Palestinjan.
Imbagħad hemm tliet stejjer għat-tfal li se joħorġu dalwaqt. Dawn huma ktejjeb fuq Isaac Newton, ‘Senduq Kuluri Aħmar’ u ‘Senduq Buffuri Aħmar’.

‘Il-Linja l-Ħadra’ tistgħu tixtruh mill-Fiera tal-Ktieb li se tintemm illum. Miftuħa mid-9am sas-1pm u mit-3pm sad-9pm. Fl-10am jkun hemm għaddej qari għat-tfal minn Claudette Pace u Peppi Azzopardi fis-Sala Temi Zammit f’Dar il-Mediterran. Fis-6.30pm il-pubbliku se jkollu ċ-ċans jiltaqa’ mal-kittieba Ingliża Annie Dalton.