L-artist astratt Philip Chircop se jiftaħ il-wirja tiegħu b’71 biċċa xogħol artistika fiċ-Ċentru tal-BOV f’Sta Venera nhar it-23 ta’ Novembru. F’din il-wirja wieħed se jara l-iżvilupp artistiku ta’ Chircop matul l-40 sena li ilu jaħdem u jesplora l-arti astratta. Se jkun hemm ukoll xi xogħol mill-ewwel snin tiegħu fl-Iskola ta’ l-Arti meta kien għadu jpinġi b’mod realistiku. Il-biċċiet kollha se jintwerew f’sekwenza kronoloġika biex kulmin iżur il-wirja jkun jista’ japprezza l-proċess li għadda minnu mis-Snin 60 sal-lum.
Chircop beda jieħu sehem f’wirjiet b’xogħlu fl-1958, bl-ewwel wirja personali fl-1970. Minn dak iż-żmien ’l hawn ħa sehem f’għadd ta’ wirjiet kollettivi oħra f’Malta, fl-Italja, f’Sardenja, fi Franza u fir-Renju Unit.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-12 ta’ Jannar 2007. Il-kuratur tagħha hu Chev Emmanuel Fiorentino.