19 ta' Novembru 2006
Kristjana mil-lenti ta’ missierha Charles
Kristjana, l-iżgħar fost tliet aħwa. Ilbieraħ għalqet 29 sena. Drajnieha fuq it-televixin bħala ‘Rina’ f’Għada Jisbaħ Ukoll u issa bħala Gail f’Gizelle. Kristjana bħalissa għaddejja bil-provi għax-xogħol teatrali li jmiss-Lacuna li se jittella’ f’Diċembru li ġej.
Charles Casha, missier Kristjana u kittieb magħruf. ‘Fra Mudest’ kien l-ewwel kitba għat-tfal. L-aħħar żewġ xogħlijiet għal adulti kienu ‘Burraxki’ u ‘L-Appartament fir-Raba’ Sular’, li rebaħ it-tieni premju fil-Premju Letterarju Nazzjonali fl-2005. Bħalissa uħud mill-kotba tiegħu jinsabu għall-wiri fil-Fiera tal-Ktieb. Hu membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Kristjana, lil min ħarġet tixbah l-iktar? Ftit lil kulħadd, fiżikament tiġbed lejn in-naħa ta’ommha però m’hemm l-ebda qarib li tista’ tgħid li ħarġet tixbhu. Rigward kreattività ħadet miż-żewġ naħat.
Għad bsart li bintek se ssir popolari? It-televixin qatt ma kien jinteressaha però l-palk minn dejjem kienet tħobbu. Jagħtiha aktar sodisfazzjon. Meta kienu żgħar hi u ħutha wkoll kienu jiktbu xi drammi u joqogħdu jirreċtawhom. Kristjana għandha talent li għadha ma żviluppatx: il-kitba. Indunajt meta kont nikkoreġilha x-xogħol ta’ l-iskola. Għandha mod ta’ kif tirrakkonta, ċertu umoriżmu u anki climax li jiġbdek. Kreattiva ħafna u hi karattru invidwali – “tħobb tkun hi”.
L-iktar darba li rrabjatek? Nirrabja jekk ma tgħidliex bil-problemi li jkollha għax Kristjana żżomm naqra għaliha. Però iktar ninkwieta milli nirrabja.
Semmili xi praspura li għamlet meta kienet żgħira. Meta kellha xi erba’ snin, għamilna żmien noqogħdu ħdejn nannietha. Hi dejjem kienet tkun trid tiġi lura minn għandhom weħidha, però bejn għax kienet żgħira u bejn għax dak iż-żmien ukoll kien hemm gandott fit-triq, ma konniex inħalluha. Darba sabet lil nannuha aljenat, qabdet qassmet it-triq u qalet lil ħaddiema tat-toroq jerfugħha biex taqsam il-gandott. Hi waslet qawwija u sħiħa d-dar però il-qatgħa li tat lil nannuha kienet kbira.
Rajt xi bidla fiha kemm ilha li bdiet tidher fuq it-televixin/ drama? Id-drama għamlitilha ħafna ġid, tatha iktar kunfidenza u ċ-ċans li tkun aktar kreattiva. Għamlitha wkoll aktar analitika u bdiet tinteressa ruħha aktar fil-kultura. Veru li teħdilha ħafna ħin imma għenitha tiżviluppa.
Tikkritikaw lil xulxin fuq xogħolkom? Mhix it-tip li tikkritika imma taf tagħmel analiżi tajba. Meta jkolli xi ktieb għal pubblikazzjoni ngħidilha biex taqrah. Hi għandha mod kif tanaliżża u tpoġġilek stampa ċara quddiemek. Kapaċi ssiblek irqaqat li ma tkunx indunajt bihom.