19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Nistennew sa l-elezzjoni

Ħadt gost meta għall-ewwel darba smajt li se toħroġ gazzetta indipendenti bil-Malti kull nhar ta’ Ħadd. Ħadt gost iktar meta ftit wara li qrajt l-aħbar iltqajt ma’ Roger de Giorgio u kellimni dwar il-linja li kienet se tieħu l-gazzetta li nieda hu u sieħbu Saviour Balzan.
Dan il-kumment mingħandi, li għal kważi 35 sena kelli karigi ta’ responsabbiltà ma’ gazzetta b’aġenda xi ftit jew wisq politika, forsi jinstema’ stramb. Imma nassigura lil min qed jaqra din l-ittra li meta għidt ħadt gost, kont qed ngħid hekk minn qalbi.
Għalkemm kont naħdem ma’ gazzetta mhix indipendenti fis-sens tal-kelma, dejjem kont inħoss li kien hemm lok għal gazzetta mingħajr irbit ma’ partit politiku jew influwenza minn kumpaniji kummerċjali.
Intant Charles Mizzi - li kellu kariga għolja fl-istess stamperija - u jien, li ħdimna flimkien għal għexieren ta’ snin, dejjem konna nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ ġurnal indipendenti fis-sens tal-kelma u noħolmu u nittamaw li l-ġurnali tagħna jieħdu xejra ftit jew wisq inqas partiġġjana minn dik li konna nħaddnu. Għax għalkemm qatt ma kellna direttivi miktuba, il-polarizzazzjoni fil-pajjiż tant daħlet fina li saret parti minna u kien impossibbli min-naħa tagħna li nissugraw nieħdu linja differenti.
Min-naħa l-oħra lanqas kien fair li jien nipprova nimponi l-ideat personali tiegħi editorjalment kontra l-linja li kellhom il-ġurnali tagħna meta kont nirrappreżenta organizzazzjoni li
l-maġġoranza assoluta tagħha ma kinitx ta’ l-istess opinjoni ta’ kif konna naħsbuha jien, Charles u xi oħrajn. L-unika ħaġa li stajna nagħmlu, dawk li kienu jaħsbuha bħalna, kienet li nfittxu toroq oħra, li dak iż-żmien fil-linja tagħna ma tantx kien hemm wisq miftuħa.
Fil-fatt il-pressjoni minn barra, iktar milli minn ġewwa, tant kienet qawwija li lanqas li kieku d-diriġenti tagħna xtaqu ma kienu se jazzardaw jieħdu linja differenti.
Qed ngħid dan kollu mhux b’xi apoloġija iżda biex nuri li ġenwinament inħoss il-ħtieġa ta’ gazzetta indipendenti. Fil-fatt meta temmejt l-impjieg tiegħi u bdejt nikkontribwixxi fil-ġurnal li kont neditja kont ħadt xejra ħafna iktar indipendenti. U b’sorpriża kbira għalija bqajt skantat bir-reazzjoni pożittiva li kont nirċievi bil-fomm u bil-kitba mill-qarrejja tal-gazzetta għal-linja li kont ħadt. Forsi ż-żmien beda jbiddel il-mentalità anke ta’ l-istess qarrejja.
Jekk il-gazzetta Illum se tieħu l-istess triq li ħadet il-MaltaToday, allura dan jawgura tajjeb. Meta ħarġet il-MaltaToday bil-linja editorjali li segwiet ħassejt li din fetħet triq mixtieqa ħafna, speċjalment fost dawk li jħobbu l-ġurnaliżmu kif suppost ikun. Biex ngħid il-verità ma kontx nemmen li ġurnal bħal dan, mingħajr appoġġ politiku jew finanzjarju, seta’ jkampa. Iżda probabbli dik kienet ir-raġuni li kampa għax ma kellux nies b’konnessjonijiet kummerċjali jew politiċi jinfurzawlu jdejh.
Għalkemm ovvjament ma naqbilx ma’ dak kollu li jidher fil-MaltaToday, u nħoss li xi drabi l-linja editorjali ta’ dan il-ġurnal hi daqsxejn goffa, madankollu naħseb li dan il-ġurnal mela vojt li kien ilu jinħass. Għadu kmieni wisq biex tgħid jekk il-ġurnal Illum hux se jkollu l-istess suċċess.
L-ewwel żewġ ħarġiet kienu interessanti ħafna. Ma impressjonajtx ruħi wisq bil-layout, għalkemm it-tieni edizzjoni kienet aħjar minn ta’ l-ewwel - iżda kien fiha ħafna x’taqra u ta’ kwalità tajba. Issa jiddependi jekk din il-gazzetta hijiex se xxaqleb lejn naħa jew oħra meta toqrob l-elezzjoni u jekk hijiex se tkun kapaċi tkompli fuq l-istess livell il-ħin kollu.
Fil-qalb ta’ qalbi nħoss li se jkun diffiċli ħafna li jinżamm bilanċ fis-siegħa tal-prova speċjalemnt li min imexxi l-gazzetta kellu relazzjonijiet intimi mal-Partit Nazzjonalista għal madwar 25 sena. Nistennew u naraw.
Sadanittant, għalkemm nixtieq li Illum ikollha suċċess, nixtieq ukoll li dan iservi ta’ sfida u stimulu biex gazzetti oħra, speċjalment It-Torċa li għamilt xi snin neditja jien, ikomplu jissaħħu u mhux jiddgħajfu għax hu fl-interess tad-demokrazija u tal-pajjiż li jkollna media b’saħħitha.
Joe A. Vella
Tas-Sliema

Nota ta’ l-editur Napprezzaw il-kummenti tas-Sur Vella u nwiegħduh, bħalma nwiegħdu lill-qarrejja tagħna kollha, li l-gazzetta Illum se tibqa’ ma tħares lejn wiċċ ħadd, anki fi żmien delikat bħalma hi elezzjoni ġenerali. Din il-gazzetta ma temminx f’bilanċ falz li jipprova jżomm il-kejl bejn kritika fuq naħa u oħra. Se ninfurmaw lill-qarrejja b’dak kollu li jkun qed jiġri, kulfejn inħossu l-bżonn u irrispettivament mill-partit politiku konċernat.
Nistiednu lis-Sur Vella u lill-qarrejja numerużi ta’ Illum biex ikomplu jaqrawna u jiġġudikawna fiż-żminijiet li ġejjin.