19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
L-Enemalta fuq il-gass f’Raħal Ġdid

Nirreferi għall-artiklu ‘Familji f’Raħal Ġdid iggassjati’ li deher il-Ħadd 12 ta’ Novembru.
Fl-artiklu tingħata l-impressjoni li l-korporazzjoni Enemalta kienet ilha taf b’dan il-każ minn Jannar. Dan mhux minnu. Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ġibed l-attenzjoni tal-Korporazzjoni għal xi rwejjaħ li seta’ kien hemm ftit gimgħat ilu biss.
Hawnhekk nixtieq nenfasizza l-punt li l-Enemalta ħadet passi immedjati u ħatret espert indipendenti biex jagħmel testijiet meħtieġa fuq perjodu ta’ żmien.  Ir-rapport mistenni jkun lest il-ġimgħa d-dieħla.
Nixtieq niċċara wkoll li din mhix sempliċi kamra li qiegħda hemm b’kumbinazzjoni iżda hija escape hatch ta’ importanza vitali għas-saħħa u s-sigurtà ta’ l-impjegati ta’ l-Enemalta,  kamra li issa ilha hemm għal ħafna snin.
Ma nħossux li hemm lok li jinħoloq sensazzjonaliżmu ġurnalistiku li  qed jallarma n-nies tal-lokal bla bżonn. Fuq il-konklużjoni tar-rapport l-Enemalta  se tieħu l-passi kollha neċessarji biex niżguraw li l-inkonvenjent  jiġi eliminat jew jitnaqqas kemm jista’ jkun.

Ian Vella
Uffiċċju Relazzjonijiet Pubbliċi
Korporazzjoni Enemalta
Marsa

Nota Editorjali: Bil-kontra ta’ dak li jgħid is-Sur Vella, l-espert imqabbad mill-Kunsill kien informa liċ-Chairperson tal-Korpozzjoni fit-12 ta’ Awwissu bis-sitwazzjoni. Altru minn ftit ġimgħat ilu. Huwa pożittiv li l-Korporazzjoni qed tintrabat li tikkonkludi r-rapport tagħha l-ġimgħa d-dieħla u f’ġieħ it-trasparenza nistennew li jkun pubbliku. Mill-bqija, l-kumment tas-sur Vella fuq ġurnaliżmu sensazzjonali huwa bla bżonn u barra minn postu.