19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006 - Intervista
Fid-dell ta’ Lawrence
Julia Farrugia tintervista lil Kate Gonzi

Hi l-mara ta’ l-aktar bniedem b’siġġu jaħraq fil-pajjiż. Lil Lawrence Gonzi nofs Malta tħobbu u n-nofs l-ieħor titkerraħlu. Imma martu, mogħnija b’tant kariżma, hi l-għira ta’ ħafna fil-politika għax awtomatikament tiġbdek lejha.
“Meta konna żgħar konna noqogħdu nqabbdu l-isteel wool b’sulfarina u niġru minn kamra għall-oħra biex naraw ix-xrar tan-nar itir.” Tinfaqà tidħak u b’għajnejha baxxuti tirrakkuntali stejjer ta’ meta ta’ tfal fost sebat aħwa f’Ħal Safi kienet tkun perċimes f’dan it-tip ta’ logħob.
Jekk trid tkun poetiku, fil-ħajja politika jeżisti l-ixrar tan-nar bejn partit u ieħor. Jaqla’ kemm jaqla’ kritika minn xi wħud Lawrence Gonzi xxurtjat li warajh għandu mara li mhux biss għandha ħlewwa u tbissima naturali imma għandu wkoll mara li ssus u tħabbrek f’oqsma differenti fosthom fil-politika.
Kate għandha preżenza b’saħħitha ħafna. U forsi Kate differenti minn nisa oħra għaliex għandha moħħ u viżjoni li m’għaġnithomx sentejn ilu meta żewġha laħaq Prim. Tirrakkuntali kif minn ċkunitha kienet taħdem fil-volontarjat.
Insaqsiha jekk taqbilx li f’Malta minflok lieva għandux jiddaħħal kunċett ta’ volontarjat obbligatorju. Taqbel li dan għandu jkun bħala credit l-Università jew is-Sixth Form.
Kate titkellem b’mod ħieles dwar affarijiet li ġarrbet il-familja tagħha bħal fil-każ ta’ ħuha li kien inħakem minn mard tal-moħħ. Tgħidli li kienet għadha xebba meta ġara dan kollu u l-membri tal-familja kienu damu snin twal biex intebħu li ħuha kien marid. Is-sitwazzjoni ma kinetx faċli għax kien hemm nuqqas ta’ tagħrif dwar is-saħħa mentali. Issostni li huwa importanti li kemm il-familja kif ukoll l-individwu jaċċettaw li hemm problema, li hija marda u li bil-kura tirranġa ruħha. Biż-żmien Kate Gonzi baqgħet tgħin anke bħala voluntiera f’dan is-settur u tul dawn l-aħħar 15-il sena bħala waħda mill-fundaturi ta’ Richmond Foundation baqgħet toffri l-ħin tagħha f’dan il-qasam.
Kate tiċċajta dwar il-fatt li hija erba’ snin ikbar minn Lawrence fl-età. Tgħidli li hi dejjem kienet involuta fil-Partit Nazzjonalista. Iltaqgħu f’ballu tal-PN f’għeluq l-10 sena anniversarju mill-Indipendenza.
“Waqt li qed niżfnu ndunajt li Lawrence kien se jsaqsini biex noħroġ miegħu u lqajtlu mill-ewwel. Għidtlu jien erba’ snin akbar.” Titbissem u tgħidli li Lawrence mill-ewwel qalilha, “Jien diġà ħdimt is-somma.” U bl-iskuża tal-kotba Lawrence u Kate baqgħu jiltaqgħu. Tgħidli li l-età ma tagħmilx differenza għax kollox jiddependi mill-maturità.
U dwar somom, Kate bħal kull ċittadin ieħor, ikollha tisma’ bosta affarijiet. Wara kollox hija mart il-Prim Ministru, trid tisma’ dwar il-finanzi tal-pajjiż u kull ħaġ’oħra li ġġib magħha l-politika.
Id-deċiżjoni li Lawrence Gonzi jilħaq Kap ta’ Partit ġabet bidla fil-familja. Kate tammetti li kull bidla hija iebsa u tgħidli li malli żewġha laħaq Kap tal-PN u eventwalment Prim Ministru, ħasset fuqha aktar responsabiltà. “Tieħu ż-żmien biex tidra.” Tistqarr li l-ħajja saret aktar mgħaġġla, in-nies il-ħin kollu ċċempel. Jibdew ġieli mis-6.30am bħal xi anzjana li tbakkar kmieni. Tliet linji differenti b’waħda diretta ma’ Kastilja, waħda privata u t-tielet waħda tal-pubbliku. It-telefon ma jiqafx idoqq.
Nistaqsiha kif l-imniefaħ ma ddaħħalx sistema tat-telefon li minflok tisma’ t-telefon idoqq tara biss dawl jixgħel. Titbissem u tgħidli li drathom imma: “Il-qanpiena ta’ barra ddejjaqni aktar mit-telefon tant li dejjem inħalliha mitfijja biex ma nismax aktar ċenċil f’rasi.”
Għal Kate il-valuri tal-vera familja huma fundamentali. Kif ikampaw raġel jew mara ta’ xi ħadd fil-politika meta rari jkunu d-dar flimkien u b’ħajja dejjem mgħaġġla?
Il-mara tgħidli li l-parir lil min għadu ma bediex fil-politika jkun li “l-aħjar pass ikun dak li min joħroġ għall-politika jagħmel dan imqar meta t-tfal ikunu qabżu l-erba’ snin għax mhux faċli ttella’ t-tfal waħdek. U l-parti l-oħra tkun qed titlef affarijiet sbieħ ħafna.”
Tgħidli li mhux faċli ssib bilanċ. Tħoss in-nuqqas ta’ ħin biex jinġabru flimkien ma’ uliedhom. “Il-Ħadd ġej jiekol it-tifel għandi għall-ikla ta’ nofsinhar imma fil-5pm irid ikun Kristu Re. Ma tantx ikollna ħin biex inpaċpċu u nirrakkuntaw fuq l-affarijiet żgħar. Din il-ħaġa nimmissjaha.”
Kate kważi dejjem tistenna lil żewġha jinġabar lura d-dar. Fost il-ġimgħa għall-ikla ta’ nofsinhar il-Prim qatt ma jmur id-dar u f’dik id-darba li jmur għal għarrieda Kate tinħasad: “Ifixkilni għax ma nkunx ippreparajtlu ikel. Aħna rari nċemplu lil xulxin. Ġieli jkolli xi ħut frisk u nkun irrid nagħmilhom kif iħobbhom u biex jikolhom sħan inċempel u niftihiem max-xufier tiegħu biex Lawrence iċempilli eżatt x’ħin jitilqu.”
U Kate baqgħet il-mara tad-dar li kienet sentejn u nofs ilu? Terġa’ titbissem u nkomplu d-diskursata fuq l-aktar dixx li l-familja tagħtiha l-prosit fuqu: “Kif nagħmel il-fenek! Il-familja kollha tgħid li għandi my own way…bl-inbid u t-tewm sempliċi imma ma kulħadd jinżel tajjeb.”
Trid u ma tridx diskursata bħal din tfakkrek fl-eluf ta’ familji Maltin li mhux qed jirnexxu. Kif taħsibha dwar is-separazzjonijiet li dejjem jiżdiedu? “Jien veru nħoss għat-tfal ta’ dawn il-ġenituri. Meta żwieġ ma jirnexxiex hemm ħafna persuni mweġġgħa: il-ġenituri, l-ulied. Kemm hu worth it naħdmu biex negħlbu l-ostakli li jġibu firda fiż–żwieġ.”
Issemmili l-egoiżmu f’relazzjonijiet, in-nuqqas ta’ skills, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn xogħol u familja. “Kemm hu worth it nitħabtu biex nitgħallmu skills biex il-familji nżommuhom flimkien? Ħafna snin qed naħluhom fil-proċess tas-separazzjonijiet meta dan huwa kollu żmien li nistgħu nużawh biex nibnu relazzjonijiet.”
Tħossha komda titkellem tant li min rajha ddawwar l-intervista fuq il-ħajja miżżewġa tagħha. “Is-snin jgħaddu malajr u issa li kibru t-tfal ngħid li worth it li ħadna paċenzja b’xulxin jien u Lawrence. Kulħadd jgħaddi minnhom dawn l-affarijiet. Hemm mumenti meta kelli niftaħ qalbi ma’ xi ħadd. Iż-żwieġ ma jiġi perfett għal ħadd.
“Meta laħaq Speaker kont għadni iżgħar u kont nistenna li jagħti kasi. Kont ħassejtha u anke kelli nitkellem ma’ xi ħadd. Moħħna bħala mara jiġri wkoll u nibdew naħsbu f’ħafna affarijiet.”
Imma lura għad-divorzju. Tistqarr li “mil-lat morali ħadd ma jista’ jiġġudika lil ħadd. Iż-żwieġ huwa għal dejjem. Id-divorzju le. Bid-divorzju u mingħajru n-nies xorta ħa jisseparaw. Id-divorzju fih innifsu hu xi ħaga li mhix għal dejjem. Huwa ż-żwieġ li jibqa’ għal dejjem.
“Ma tistax taqta’ linja. Kultant ikun hemm familji li tgħid li naħseb li d-divorzju huwa tajjeb. Issa l-Gvern x’għandu jagħmel? Għandu jgħinhom dawk li jkunu flimkien jikkoabitaw? Jiena nemmen li iva. Tgħinhom u titfa’ r-responsabbiltà fuqhom biex wieħed ma jaqbadx u jitlaq bl-addoċċ. Bħal fil-każ tal-manteniment. Ma tistax tarmi lil dak li jkun. ”
Xi minn daqqiet faċli tħares lejn persuna minn barra u tiġġudikaha. Imma kemm tweġġa’ mara ta’ persuna prominenti li jkollha tarah b’mod regolari taħt baraxx ta’ kritika?
“Fil-bidu kien hemm ċerti ġurnali li bdew ikissruh u jgħidu li kulma jagħmel huwa kollu ħażin.” Nissikkaha biex tagħtini l-isem. Titbissem u b’rasha tagħmilli sinjal li le. Żewġ mistoqsijiet oħra u naslu sal-punt li l-gazzetta hija bl-Ingliż u toħroġ nhar ta’ Ħadd iżda ma riditx tlissen l-isem. Tgħidli li lanqas l-Oppożizzjoni ma kienet iebsa miegħu daqs din il-gazzetta. Kate tisħaq li hi ma tafx għala qabdu miegħu b’dan il-mod, imma tissuspetta li kien hemm xi aġenda jew rabja.
Kate sabet soluzzjoni kif ma tħallix lil din il-gazzetta tkiddha: ma baqgħetx taqraha Fl-istess ħin issostni li ma tiddejjaqx li n-nies tikkritika jekk ikun hemm postijiet maħmuġin. “Aħna bħala Gvern irridu min jimbuttana. Bħat-tfal, għax jekk ma jiġbdulekx l-attenzjoni li għandhom il-ġuħ ma toqgħodx issajjar. It’s always healthy li n-nies tikkritika. Ara tal-Park and Ride…in-nies trid tagħtihom ċans jesprimu ruħhom.”
U x’taħseb dwar il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni?
“Alfred Sant huwa bniedem li jħobb jaqra u għandu ħafna intelliġenza u għandu ħafna kultura wkoll. Meta kellimtu dejjem kien edukat miegħi u anke jien nirrispettah ukoll. Il-mamà tiegħu mill-aħjar ukoll għax kont iltqajt magħha. Ma naqbilx miegħu fuq ċerti ideat.”
L-intervista ddur fuq l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin. Jinsab erba’ passi ’l bogħod mid-dar tal-familja Gonzi. “Tweġġagħni naqra din ta’ l-impjant. Jien nittama li meta jirranġawh ma jkunx hemm tbatijiet għal Wied il-Għajn.”
Kate bħala l-mara tal-Prim sa anke tiġbed l-attenzjoni dwar każijiet li tħoss li ma jkunux sejrin tajjeb. “Riċentament għidtlu: din irridu nieħdu ħsiebha. Kellmitni waħda li meta kienet qed tistenna tarbija qabditha dipressjoni. Damet tistenna biex jarawha St Luke’s. Immaġina kienet tqila u meta bagħtu għaliha t-tarbija kellha seba’ xhur! Laħqet inqdiet għand il-privat u ħallset hi.”
Inikktuha wkoll każijiet ta’ faqar mistur fis-soċjetà. “Kultant tibda tgħid x’se nagħmel? Is-soluzzjonijiet mhux dejjem faċli. Fid-distrett tagħna, in-naħa tal-Kottonera, nies imħarrġa għal ta’ l-apposta qed imorru fil-familji biex jgħallmuhom l-iskills biex isajru. Dawn familji żgħażagħ bi tfal ta’ sentejn.”
Kate Gonzi ta’ sikwit narawha f’filmati biswit il-Prim Ministru u politikament pass bħal dan sikwit qed ikun interpretat bħala għodda tajba ta’ kif Lawrence Gonzi jipproġetta l-immaġni tiegħu. Fil-kurituri ta’ binjiet politiċi tissemma l-kelma ‘strateġija’ biex Kate tibda tintuża aktar miegħu: “Jien dejjem appoġġjajtu lil Lawrence. Kont noqgħod at the back. Meta ħareg fl-1986 ma kienx tela’. Kont ngħin biex inlaqqagħlu l-grupp għall-attivitajiet. Mhix xi ħaġa t’issa. Mhix xi ħaġa li qed nipprova nagħmilha issa għax Prim Ministru. Ġieli kellna coffee mornings, ma ġiex hu u mexxejtu jien. Dejjem għentu. Dejjem ħabbejt il-volontarjat u dan huwa volontarjat fil-politika.”
“Fuq il-Fosos ma ndunajtx li poġġewni bilqiegħda b’tali mod li ġejt nidher il-ħin kollu warajh. Issa jista’ jkun li ġejja l-kampanja, ma nafx. Bniedem jipprova joħroġ dak kollu li għandu tajjeb. Inti jekk għandek vażun sabiħ toħrog lilu. Nimmaġina li kulħadd juża l-għodda kollha li għandu. Sinċerament, jien ma kontx naf tant li għidt xi dwejjaq li llum ma nistax nara wiċċu ’il Lawrence. Bdejt insikket lin-nies u kien hemm min qal: ‘Tidher li kienet teacher ta’ skola’.”
B’riferenza għall-ibbuwjar li sar fil-konfront ta’ żewġ ġurnalisti, Charlon Gouder u Glenn Bedingfield li kienu mistiedna biex jagħmlu l-mistoqsijiet lil Lawrence Gonzi, Kate issostni li tapprezza meta bniedem ġej minn għalqa politika differenti jattendi waħdu “għax irid ikollok il-gazz.”
“Dawn qishom it-tfal tiegħi żgħażagħ. Meta bdew jibbuwjawhom in-nies, id-die hards, bdejt insikket in-nies u bdejt nidher.”
Imma dan kollu jfisser li lill-mara tal-Prim se nibdew narawha aktar fil-filmati, posters u billboards tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss? Kate teskludi li tintuża f’kampanji elettorali stil Amerikan.
“Ma naħsibx. Ma naċċettax li nintuża fil-kampanja elettorali b’dak l-istil. Malta qegħdin mhux l-Amerika. Lawrence huwa l-politikant. Jien ngħinu u dak li qed nagħmel għax nixtieq il-ġid.”
U l-mara, forsi għax saqajha ma’ l-art jew għax politikament taf li kumment bħal dan jista’ jaħdem tajjeb, bla ma nsaqsiha jien tkompli hekk: “Issa l-poplu, id-demokrazija f’idejh. Jien diġà preparata. Mhux qed ngħid li ma tħosshiex għax inkun qed nigdeb. It-tfal dejjem nippreparahom minn qabel jien. Jekk se nitilfu mhux se taqa’ d-dinja. Jien l-importanti huwa li għamilna dak li stajna. Il-bniedem bidla jridha kultant f’kollox. Dawn huma affarijiet tal-ħajja. Xi darba jrid ikun hemm telfa. La titla’ xi darba trid titlef. Aħna ppreparati.”
Kate temmen li huwa żvantaġġ li tilħaq Prim Ministru meta tkun fil-Gvern.
“Sabiħa għal għajn in-nies imma mhux faċli daqshekk għax il-Partit ikun għadda minn żewġ affarijiet. Wara xi ħadd li ilu 20 sena, trid tkompli bil-problemi li għandek bħala Gvern u trid taħdem bħala tim. Kieku laħaq mill-Oppożizzjoni aħjar għax ma jkollokx il-piż ta’ Gvern.”
U tkompli: “Il-fatt li l-partit tagħna ilu fil-Gvern in-nies ikunu jridu dik il-bidla. Jien dan kollu kont nafu. Il-pajjiż hekk kellu bżonn. Imma kollha qegħdin quddiem għajnejna dawn. Għalhekk aħna ppreparati għal kollox.”
L-akbar xewqat huma ffukati kollha fuq il-membri tal-familja tagħha u li tara lil uliedha f’armonija u paċi ma’ min qegħdin. Tgħidli wkoll li: “Nieħu gost li nsir nanna. Imma nkun nixtieq naqra aktar ħin għal magħhom kieku. Hemm naħseb tkun il-problema.”
Forsi Kate, fil-fond ta’ qalbha tixtieq issir nanna imma idealment mhux għalissa li Gonzi huwa Prim. U bil-politika taħraq kif inhi f’pajjiżna, persważa li kieku magħna fis-salott tad-dar tagħha kien hemm il-veru akkaniti tal-partit oppost, kienu jagħtuha soluzzjoni spirtu pront fuq din il-problema. Eħħ, il-politika! Il-ħin!