19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006 - Charles Borg
Il-Park and Ride suċċess

Sa fl-aħħar u wara ħafna polemiċi din l-imbierka Park and Ride bdiet topera u bit-tajjeb u l-ħażin tagħha qed topera b’suċċess.
X’sodisfazzjon timxi u tapprezza toroq bħal Triq l-Ordinanza u Triq in-Nofsinhar li s-soltu jkunu okkupati b’karozzi pparkjati fuq bankini li jagħmluha diffiċli immens għal min irid jagħmel użu minnhom! Dawn issa ssibhom ħielsa mill-ingombri żejda. Il-Belt hi sabiħa wisq. Ma nkomplux ningumbrawha
Il-GRTU kienet waħda mill-pijunieri fl-organizzazzjonijiet ta’ laqgħat mad-diversi awtoritajiet konċernati sabiex titneħħa l-Liċenzja tal-Belt. Din sa fl-aħħar se ssir realtà.
Iżda x’kien il-kunċett wara l-Park and Ride?
L-ewwel li t-toroq prominenti fil-Belt jitnaddfu mill-karozzi sabiex ir-residenti, turisti u dawk kollha li jagħmlu użu minnhom jagħmlu dan bil-kumdità kollha.
It-tieni skop kien li kulmin irid jidħol il-Belt bil-vettura privata tiegħu jista’ jagħmel dan bl-użu tal-faċilitajiet ġodda ta’ parkeġġ li għada pitgħada se ikunu bil-ħlas fiċ-ċentru tal-Belt u mad-dawra tal-port b’xejn.
It-tielet għan kien biex il-ħaddiema fl-uffiċini u sidien ta’ ħwienet, li kienu jokkupaw il-parkeġġ fil-Belt minn kmieni filgħodu sa tard filgħaxija, ikunu jistgħu jużaw is-servizz li qed toffri b’xejn l-iskema tal-Park and Ride sabiex dawk kollha li jixtiequ jidħlu l-Belt ikunu jistgħu faċilment isibu fejn jipparkjaw. Din hi pożittiva għall-aħħar għal kull negozju, speċjalment issa li wasal il-Milied.
L-esperjenza ta’ din l-ġimgħa tal-Park and Ride kienet pożittiva ħafna u t-tajjeb hu li l-biċċa l-kbira li qed jużawha huma nies li jidħlu biex jinqdew mill-ħwienet u negozji oħra.
Meta bdew id-diskussjonijiet dwar dan il-proġett aħna konna xettiċi u beżgħana. Meta konna niltaqgħu sabiex niddiskutu, kollha konna negattivi għall-bidu għax ma stajniex naċċettaw il-fatt li xi ħadd se jaċċetta jipparkja l-karozza tiegħu l-Blata l-Bajda. Id-diskussjonijiet kienu ikunu fit-tul kemm ma’ sħabi sidien tal-ħwienet kif ukoll ma’ l-awtoritajiet konċernati. Konna qtajna qalbna li xi darba din se tkun suċċess u kkonkludejna li se tkun l-ikbar vroma tas-sena.
Issa li l-Park and Ride ilha topera għal dawn l-aħħar 15-il ġurnata u li ħafna mill-problemi bdew jissolvew bdiet il-litanija li 900 spazju għall-parkeġġ mhux biżżejjed. Għamlet sew il-GRTU li baqgħet timbotta biex il-Park and Ride jibda qabel il-proġett sħiħ u li jkun b’xejn.
Ma nistax nemmen: l-ewwel dik ir-reazzjoni tant negattiva li l-Park and Ride se jkun ġennata u issa qed ninsistu ma’ l-awtoritajiet biex isibu soluzzjoni għal aktar parkeġġ għax id-domanda hija kbira wisq.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li kull sid ta’ ħanut jaqdi mill-aħjar li jista’ l-klijenti tiegħu. Meta tħares lejn postijiet oħra bħal tas-Sliema, il-Ħamrun, il-Mosta u oħrajn wieħed jinnota li hemm l-istess problema. Id-differenza hi li mhux dejjem issib faċilitajiet fejn tipparkja. Jew tipparkja ’l bogħod biex tkun tista’ tinqeda jew taqta’ qalbek u tħalli l-qadja għal ġurnata oħra, jew inkella tuża l-faċilitajiet ta’ parkeġġ bi ħlas jekk ikun hemm f’dak il-lokal.
Meta nħolqu l-parkeġġi privati bi ħlas u bdew joperaw, kulħadd kien negattiv u saħansitra kien hemm min qal li mhux se jagħmel użu minnhom. Illum għandek xorti ssib post meta tuża xi wieħed minnhom għax kollha mimlijin daqs bajda.
Trid tkun veru tost li issa li l-awtoritajiet qegħdin joffru dan is-servizz bla ħlas b’faċilità ta’ 900 spazju biex tipparkja u b’garanzija ta’ iktar parkeġġ fi żmien qasir, li tkompli tgorr li l-ispazju eżistenti mhuwiex biżżejjed.
Il-GRTU, f’isem il-komunità kummerċjali ġewwa l-Belt Valletta, qed tibgħat messaġġ ċar lill-konsumaturi kollha:
Idħlu l-Belt kapitali ta’ Malta mingħajr problema ta’ parkeġġ. Ixtru, iddevertu u gawdu s-sbuħija ta’ beltna.
Dan huwa l-bidu. Jiena konvint li hekk kif il-proġett ta’ aktar aċċessibiltà fil-Belt jitħaddem kollu, kulħadd jgħid li hu tajjeb.

Charles Borg huwa l-president ta’ l-għaqda tal-ħwienet tal-Belt fi ħdan il-GRTU.