Mhux l-ewwel darba li niltaqgħu erbat iħbieb u nitkellmu dwar kriżijiet li għandu pajjiżna. Jien ma ngħoddx ruħi mal-pessimisti jew ma’ dawk li minn x’ħin jisbaħ jibdew itaqtqu u jgorru u jgergru fuq kull ħaġa li jaraw quddiemhom.
Iżda l-iswed ma tistax issejjaħlu abjad. Meta dan l-aħħar segwejt uħud mid-dibattiti li saru fis-seduti Parlamentari għedt bejni u bejn ruħi kemm f’pajjiżna għandna faqar fit-tmexxija. Tisma’ ċerti rappreżentanti jitkellmu taħseb li qed tisma’ xandira ta’ diskursata minn xi każin minflok mill-Parlament. Tisma’ l-istess retorika b’ħafna xinxilli u sustanza ftit li xejn. Jagħtuk l-impressjoni li qed jitkellmu għall-gallarija u l-importanti li jimlew il-ħin tad-diskors tagħhom b’attakki kultant banali indirizzati lejn tan-naħa l-oħra. Fil-veru sens tal-kelma jaħsbu li bil-privileġġi Parlamentari jistgħu jbellgħu r-ross bil-labra lil min isegwihom. Niftiehmu, mhux kollha għax hemm waħdiet, li tgħoddhom fuq is-swaba’ taż-żewġ idejn, illi jagħmlu sens fl-interventi tagħhom. Sħabi ilhom jesprimu l-fehma li l-ikbar kriżi li għandu dan il-pajjiż hija ta’ nuqqas ta’ tmexxija.
Donnu l-kapijiet tal-partiti politiċi, tal-Knisja, ta’ l-organizazzjonijiet ewlenin għadhom ma laħqux il-livelli ta’ mexxejja ta’ stoffa li jirnexxilhom ikaxkru n-nies warajhom bil-ħiliet intellettwali u l-kwalitajiet straordinarji tat-tmexxija.
Jista’ jkun li l-mexxejja preżenti għadhom ma għaddewx mill-mument tal-prova biex jiddistingwu ruħhom fil-ħidma tagħhom. Imma jekk noqgħod inqabbel ma’ żminijiet oħra mill-imgħoddi ta’ pajjiżna u nara wkoll x’jiġri f’pajjiżi oħra fl-Ewropa jkolli nammetti li nasal biex naqbel ma’ sħabi li l-għeruq tal-problemi ta’ pajjiżna ġejjin min-nuqqas ta’ tmexxija fl-istituzzjonijiet ewlenin tagħna. Mexxej denju jaspira fiduċja u fedeltà mis-segwaċi tiegħu. Ikollna nammettu li fil-każ tagħna s-segwaċi ‘fidili’ tal-mexxejja ta’ l-istituzzjonijiet ewlenin, jonqsu qegħdin u mhux jiżdiedu.
Il-Knisja f’Malta Kattoliċissima ilha għaddejja minn din il-kriżi. Mhux biss għandha kriżi fil-vokazzjonijiet reliġjużi imma kulma jmur, inqas nies qed iħossu l-ħtiega li almenu jmorru jisimgħu quddiesa nhar ta’ Ħadd. Il-unions ilhom li ndunaw, anke jekk fil-beraħ ma jammettux, li n-numru ta’ membri qabad it-triq tan-niżla u dan minbarra l-fatt li r-relevanza tagħhom ukoll battiet bil-kbir minn kif kienet darba.
Il-partiti politiċi mhumiex eċċezzjoni. Fil-każ ta’ dawn huwa diffiċli ħafna biex titkejjel il-gravità tas-sitwazzjoni, għaliex bħalma jaħbu l-qagħda reali finanzjarja tagħhom jew aħjar id-djun kbar li għandhom, dawn qatt ma jiddikjaraw uffiċjalment in-numru ta’ membri li jħallsu l-miżata bħala attivisti tal-partit. Għalihom l-iktar importanti huwa kemm jirnexxielhom jiġbdu votanti lejhom ikun x’ikun it-twemmin tagħhom. Iżda d-disfatti tal-partiti politiċi llum huma l-aktar riflessi mill-mod kif il-mezzi tal-media tagħhom qegħdin jippromovu politika rħisa li tħeġġeġ il-fanatiżmu u l-antagoniżmu. Min ma semax bl-iskandlu ta’ Dubaj jew bl-iskandlu tat-tender tat-tindif tal-Qorti? Kemm ilna naraw filmati u artikli minfuħin u mġebbdin biex noħolqu każijiet ta’ ‘skandlu’ ħalli nkunu nistgħu nattakkaw lin-naħa l-oħra? Iżda l-vera skandlu jkun meta l-partiti u kull organizzazzjoni kbira oħra, imissu l-qiegħ tal-miżerja, meta jibdew jitkellmu fil-beraħ dwar “is-sriep” ta’ ġewwa.
L-aħbar esklussiva li tatna din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra dwar kif il-mexxej Laburista kien bi ħsiebu jxandar min kien is-serp jew is-sriep fil-kwartieri laburista qajmet reazzjonijiet interessanti. Ħafna staqsew jekk is-serp kienx raġel jew mara u jekk dan is-serp kienx qed jaqdi aġenda ta’ xi ħadd. Hux każ li s-serp huwa qaddej fidil u li jagħmel dak li jiġi ordnat? Iżda hemm min staqsa wkoll jekk dan is-serp huwiex vittma jew il-ħaruf tas-sagrifiċċju biex permezz tiegħu jitqaċċtu l-irjus ta’ oħrajn li l-vuċi tagħhom kultant tistona mal-vuċijiet tal-kantaliena komuni!
Kienet xi ftit jew wisq sorpriża kif saret pubblika din tas-sriep meta bosta jemmnu li l-ħwejjeġ il-maħmuġin m’għandhomx jitperċu barra u meta għal dawn il-każi hemm l-istrutturi interni biex jgħadduhom mill-magna tal-ħasil. Dan il-fatt waħdu ġab iktar suspetti u mistoqsijiet u ħafna huma dawk li qed jistennew bil-ħerqa x’se jkunu l-konsegwenzi issa li s-serp u forsi sidu jkunu magħrufin minn kulħadd.
Bħal ġlieda bejn l-aħwa, l-infedeltà fi ħdan organizzazzjoni hija l-agħar marda li jekk ma tikkontrollahiex, jekk jista’ jkun mill-bidu, tista’ tikkankra u tnawwar is-sisien ta’ l-istess organizzazzjoni. Bla tlaqliq ngħid li huwa kundannabbli l-fatt li ssib min joħroġ informazzjoni sensittiva u jgħaddiha lil ħaddiehor biex dan joqgħod jitpaxxa jattakkak biha. U jagħmel sew min għandu r-responsabiltà tat-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni li jieħu passi kontra min ikun irriżulta li abbuża b’dan il-mod.
Iżda daqstant ieħor huwa kundannabli min juża tattika li jakkuża lil xi ħadd bi ħruġ ta’ informazzjoni meta ma jkollux provi konkreti. Dan ikun attentat ta’ frame-up. U jsir bi skop ċar: dak li jintefa’ dell ikrah fuq xi ħadd minn naħa u fl-istess waqt tinġabar is-simpatija lejn min ikun ippjana l-frame-up. Dawn il-każi ġraw u ġeneralment isiru minn min iħossu mhedded fil-pożizzjoni tiegħu u jkun irid jelimina lil min jaħseb jista’ jkun xi forma ta’ theddida.
Jiena għaddejt minn dan il-martirju li jakkużawk b’azzjonijiet li ma tkunx wettaqt u li diffiċli tiddefendi ruħek minnhom għaliex meta jintefa’ t-tajn xi daqsxejn se jibqa’ mwaħħal. Fil-każ tiegħi, biex jeliminawni, wettqu pjan imsejjes fuq tliet binarji: l-ewwel bdew ixerrduha li jien nista’ nkun wieħed minn dawk li bdew joħorġu l-informazzjoni, naturalment mingħajr ma jsemmu ismi imma bdew imexxuha u jiktbu artikli li jwassluk taħseb hekk. Imbagħad bdew jintensifikaw il-kampanja billi jgħidu li jien aġent ta’ l-avversarji, jew aħjar, tan-Nazzjonalisti u għalhekk “ma tistax tafdah u postu mhux hawn”.
Imbagħad żiedu d-doża billi qassmu fuljetti anonimi moqżieża u saru telefonati u laqgħat fi gruppi zgħar fejn kompla jinxtered il-velenu kontrija. Qabel għaddejt minnha kont naħseb li m’hawnx min jasal biex jagħmel dan. Iżda kont imqarraq bil-kbir. It-tagħlima ħadtha.
Il-mekkaniżmu intern fi ħdan l-organizzazzjonijiet il-kbar jippermetti li s-sriep ta’ veru joħolqu sriep artifiċjali biex jissiġillaw il-poter anke jekk tiddgħajjef l-organizzazzjoni.
Fil-partiti politici tagħna is-sriep mhumiex neqsin. Daqskemm mhumiex neqsin il-klieb il-baħar.