19 ta' Novembru 2006 - editorjal
Xamma ta’ falliment
Kien żball kbir li l-kuntratt tat-tindif fil-qorti ngħata lill-kumpanija tal-qraba ta’ Mario Camilleri, l-Imnieħru, li żgur mhux xi kriminal komuni speċjalment bħalissa li għaddej proċeduri kriminali fuq allegat tixħim ta’ żewġ imħallfin. Kien żball għaliex l-impjegati ta’ din il-kumpanija potenzjalment kellhom aċċess għal informazzjoni sensittiva fil-qorti li setgħet kienet ta’ interess għas-sidien ta’ l-ażjenda.
Dan ma jfissirx li l-kuntratt li ngħata kien b’xi mod ivvizzjat. Il-probabbiltà hi li l-burokrazija ħadmet kif kellha taħdem. Iżda dan bl-ebda mod m’għandu jserraħ il-kuxjenza ta’ min hu politikament responsabbli mill-qrati u l-ġustizzja f’pajjiżna.
Il-mod ta’ kif il-qraba ta’ l-Imnieħru rnexxielhom jiżgiċċaw is-sistema u jieħdu dan il-kuntratt f’post mill-iktar sensittiv huwa sinjal qawwi li l-proċeduri amministrattivi fl-għoti ta’ dawn il-kuntratti fallew, jew ma ħadmux tajjeb.
F’postijiet bħall-qorti, il-ħabs, il-kwartieri tal-pulizija u l-armata fost l-oħrajn, fejn terzi persuni jista’ potenzjalment ikollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva li tista’ wkoll tkun ta’ dannu għas-sigurtà nazzjonali jekk toħroġ fil-beraħ, l-għoti ta’ kuntratti għandu jsir b’mod iktar rigoruż.
F’każijiet bħal dawn il-kumpaniji jew individwi li jkunu qed japplikaw għall-kuntratti jridu jkunu soġġetti għal investigazzjoni serja sabiex ikun stabbilit jekk humiex affidabbli jew le.
B’hekk biss jistgħu jiġu evitati sitwazzjonijiet imbarazzanti għall-gvernijiet tal-ġurnata.
Iżda li jdarras fil-każ huwa r-reazzjoni tal-gvern għal dak kollu li nqala’. Minflok litanija ta’ spjegazzjonijiet kif ippruvaw jagħmlu d-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Mario de Marco biex jimminimizzaw il-kritika tal-Partit Laburista dwar l-għoti tal-kuntratt lill-kumpanija tal-qraba ta’ l-Imnieħru, l-gvern u l-esponenti tiegħu setgħu kienu aktar prudenti u sensittivi.
Jidher ċar li s-sistema ta’ l-għoti ta’ kuntratti fil-qorti falliet f’dan il-każ partikolari. F’sitwazzjoni hekk id-dmir tal-politiku hu li jara li dan ma jerġax jiġri. Bl-ebda mod m’aħna ngħidu li l-ministru responsabbli jew is-segretarju parlamentari messhom kienu jafu bid-deċiżjoni amministrattiva jew li kellhom jirriżenjaw. Iżda ma nistgħux ma nfakkrux kif fil-Ġermanja kienu rriżenjaw xi ministri tal-gvern meta nstabet baqra infettata bil-marda tal-Baqra l-Miġnuna.
Għamel sew Tonio Borg li waqqaf il-kuntratt meta sar jaf lil min kien ingħata, iżda r-responsabbiltà politika għandha tmur lil hinn minn hekk. Jeħtieġ li l-ministru jgħid ċar u tond kif se jbiddel il-proċedura amministrattiva li falliet.
U dwar it-theddid li rċevew it-tliet Membri Parlamentari Laburisti mill-Imnieħru m’għandu jkun hemm l-ebda riżerva biex ikun ikkundannat minn kull naħa politika.
Sigurtà fil-playing fields
Wara l-istorja li ppublikajna l-ġimgħa li għaddiet fuq id-dawradurella perikoluża fil-playing field ta’ l-Imsida, din il-gazzetta rċeviet ilmenti oħra fuq strutturi perikolużi f’lokalitajiet oħra.
Xi ħadd ġibdilna l-attenzjoni dwar dawradurella oħra perikoluża, din id-darba fl-Imtarfa. Il-kummenti li tatna l-Kummissarju tat-Tfal juru li ta’ l-inqas hawn xi ħadd li qed jinkwieta u jipprova jagħmel xi ħaġa ħalli t-tfal tagħna jkollhom ambjent xieraq fejn jilagħbu. Madankollu, jinħtieġ sens ta’ urġenza. Donnu li l-inċident li fih tifel ta’ tliet snin kważi tilef ħajtu fil-playing field ta’ San Ġwann ma xxokkjaniex biżżejjed.
Ma jistax ikun li sal-lum f’diversi lokalitajiet għadhom jeżistu strutturi perikolużi bħal dik f’San Ġwann. Xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà biex niżguraw ambjent aħjar għal uliedna.