12 ta' Novembru 2006 - X’kien jgħid? Fortunato Mizzi
Tassew li l-logħba sejra tintrebaħ bl-autogoals (jew awtogowls?). Bħal dak l-autogoal li l-PN irnexxielu jiskorja fil-każ tal-kuntratt tat-tindif tal-Qorti li ngħata lill-familja ta’ kriminal magħruf li qiegħed il-ħabs. Din l-istorja hi tipika ta’ kif il-PN fil-gvern iħalli lil min jagħmel il-ħmerijiet ‘taħt imnieħru’. Imbagħad biex tgħaxxaqha dan l-istess kriminal iċempel mill-ħabs u jhedded lill-Membru tal-Parlament. Niskanta kif f’dan il-pajjiż fejn kulħadd jaf kollox u ħadd ma jaf xejn, il-gvern jaqa’ għal dawn in-nasbiet u jkompli jitlef il-kredibiltà.
Bħalma qed jissogra li jiġrilu wkoll fil-każ ta’ Smart City. Ma fhimtx għaliex il-Laburisti tmasħnu daqstant għax l-imbierek – jew misħut – proġett ta’ Smart City kien jinkludi xi ftit vilel. L-aqwa mhux li se jħaddem daqstant nies?
Imma l-aħħar aħbarijiet dwar il-proġett xejn ma’ għoġbuni. Jidher li dawk ta’ Smart City huma smart u n-Nazzjonalisti li ppretendew li huma smart ukoll ma huma ‘smart’ xejn.
Malli kien iffirmat il-ftehim preliminari dwar il-proġett bdew jindaqqu t-trombi. Kulħadd immaġina li l-proġett se jinbeda l-għada u kien jonqos biss li xi dettalji żgħar ikunu finalizzati. U ndaqqu t-trombi. U komplew jindaqqu t-trombi. U biex juru kemm huma smart il-bravi li hemm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà fettlilhom idaħħlu l-kelma ‘smart’ fis-slogan tal-festi ta’ l-Indipendenza. U allajbierek, f’ħakka t’għajn ippolitiċizzaw il-proġett! U jidher li b’hekk issugraw li jirrovinaw kollox!
Mhux għax ipprovokaw reazzjoni mill-MLP li wasslet biex Hamilton imur id-Dubai biex jiddoba intervista ma’ tat-Tecom. Jew għax il-Laburisti bdew imaqdru l-proġett, ikejlu kif se tkun imqassma l-art u jwerżqu li wara kollox dan il-proġett ma kien xejn ħlief biċċa spekulazzjoni oħra ta’ l-art.
Issograw li jirrovinaw kollox għax in-Nazzjonalisti daħlu fi xkora li ddisinjaw huma stess. F’nofs id-diskussjonijiet ma’ tad-Dubai, poġġew lill-partit u lil Gvern f’sitwazzjoni li fiha jkunu tassew imbarazzati jekk il-proġett ma jseħħx! U dan, naturalment, ta l-opportunità lil tad-Dubai li jgħollu rashom u jitolbu aktar!
Mintoff, kienu jgħidu, ma nafx kemm-il proġett sfratta għax wara li jintlaħaq ftehim kien ifettillu jitlob xi ħaġa oħra… u wara li jirnexxielu jieħu dak li jkun talab, jerġa’ jitlob aktar sakemm dak li jkun taqbiżlu ċ-ċinga, ibewweġ lil hemm minn Malta u jħalli lil Mintoff ta’ fuqu senduqu.
F’din ta’ Smart City, in-Nazzjonalisti qed jagħmlu l-maqlub: flok dejjem jitolbu aktar, spiċċaw dejjem jintalbu aktar. Dan għax poġġew lil tad-Dubai fil-pożizzjoni li jistgħu jibqgħu jitolbuh aktar!
Mhux ta’ b’xejn Austin Gatt ma ħa xejn pjaċir bid-deċiżjoni li ttieħdet f’Tal-Pietà dwar is-slogan tal-festi ta’ l-Indipendenza li sar jaf dwarha mill-gazzetti… deċiżjoni li għenet ħafna biex lil Austin neħħewlu t-tapit minn taħt saqajh. Mhux ta’ b’xejn li Austin tkellem kif tkellem fil-Parlament.
U issa x’se jsir? Biex il-ftehim ikun finalizzat, il-Gvern irid jagħtihom aktar milli kien beħsiebu jagħtihom. Jekk ma jagħtihomx li jridu l-proġett ma jseħħx u n-Nazzjonalisti jkunu għaddew il-flieles qabel ma faqqsu… biex ma ngħid xejn dwar l-Laburisti li jkunu għaddew il-vilel qabel ma ta’ Dubaj ħarġu imqar ċenteżmu!