12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
L-Amerika u Malta

F’Malta, l-iżgħar pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti se jkollha ambaxxata enormi li se jkun fiha daqs l-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali bil-Millenium grand stand b’kollox.
Difficli ħafna tiġġustifika b’mod loġiku dan il-kobor ta’ spazju anki jekk skond ma qed jgħidu ta’ l-Ambaxxata Amerikana, kwart biss ta’ l-art se tkun mibnija. Il-ħidma diplomatika, konsulari u ta’ skambji kummerċjali li għandhom l-Amerikani f’Malta hija relattivament żgħira u żgur ma tiġġustifikax dak l-ispazju kollu. Barra dan, il-preżenza fiżika tal-pubbliku fil-bini ta’ l-ambaxxata se tonqos u mhux tiżdied għaliex l-Ambaxxata Amerikana għadha kif ħabbret li l-applikazzjonijiet għall-visas issa se jibdew isiru b’mod elettroniku bl-internet. Il-bini ta’ l-ambaxxata ġdida lanqas m’hu se jkun wieħed residenzjali għall-istaff diplomatiku imma se jkollu fih il-living quarters ta’ l-istaff tas-sigurtà u l-marines assenjati ma’ l-ambaxxata.
Naturalment il-gvern ta’ Dr Gonzi kkonċeda dak l-ispazju kollu li talbu l-Amerikani bit-tama li jkollu relazzjonijiet eqreb u li jrendu ma’ l-Istati Uniti. Madankollu ż-żewġ kwistjonijiet li ilhom pendenti fir-relazzjonijiet ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi, jiġifieri ftehim ġdid dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja u l-kwistjoni tal-visas li huma suġġetti għaliha l-Maltin fl-Amerika imma mhux l-Amerikani f’Malta, xorta waħda ma jidhirx li se jiġu żblukkati fil-futur qarib.
Mill-ħarsa storika li qed tidher f’din il-paġna, ibda minn żmien ta’ l-ultimatum tal-Perit Mintoff fl-1949 li beda jhedded li jdaħħal bażi Amerikana flok dik Ingliża, u kompli bil-pożizzj,oni li kien ħa Borg Olivier dwar il-preżenza tan-NATO f’Malta u spiċċa bir-rifjut ta’ Ronald Reagan li jiggarantixxi n-newtralià ta’ Malta, jidher li hemm dispożizzjoni storika min-naħa Maltija biex noqorbu lejn l-Istati Uniti minn dejjem kienet hemm, imma ħafna drabi din ma ġietx reċiprokata mill-Amerikani għax ħaduna xi ftit jew wisq forgranted.
Wisq probabbli l-istess ħaġa qed tiġri fiż-żminijiet tal-lum. Ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni kritika mill-Gvern Malti fir-rigward ta’ l-intervent militari Amerikan fl-Iraq. Għall-kuntrarju George Bush irringrazzja lil Fenech Adami għall-appoġġ loġistiku li tat Malta għal dik l-invażjoni, anki jekk mhux faċli wieħed jgħid fiex kien jikkonsisti dan l-appoġġ loġistiku.
Matul din il-ġimgħa l-pajjiżi kollha ta’ l-UE, inkluż Tony Blair, esprimew ir-riservi tagħhom dwar il-kundanna għall-mewt ta’ Saddam Hussein u l-konsegwenzi li se jkollha għall-gwerra ċivili fl-Iraq imma Lawrence Gonzi baqa’ b’fommu sieket.
Lanqas fir-rigward tal-ħniżrijiet li qed jiġru fi Guantanamo Bay fejn qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem bl-addoċċ, għadna qatt ma smajna minn fomm in-Nazzjonalisti xi forma ta’ kundanna.
Fl-istampa internazzjonali dehru diversi rapporti dettaljati li kienu jgħidu li waqfu f’Malta titjiriet sigrieti tas-CIA (flights of rendition) b’nies fuqhom li inħatfu llegalment. Il-Gvern Malti ċaħad dawn ir-rapporti għalkemm 99 fil-mija, li kieku veru dawn it-titjiriet waqfu Malta, l-awtoritajiet lokali lanqas biss kienu jindunaw bihom.
Il-ftit għajnuna li ngħatat Malta mill-Amerika f’dawn l-aħħar snin kienet tikkonsisti f’apparat ta’ sigurtà li ġie mogħti lid-dwana, l-ajruport u l-Freeport. Għajnuna li żgur ma ngħatatx b’mod disinteressat mill-Amerikani.
Bl-iscanners li taw lid-dwana Maltija qed jinqabdu ħafna prodotti ffalsifikati, ħidma li tinteressa direttament lill-kumpaniji kbar Amerikani li jimmanifatturaw il-prodotti oriġinali. Anki fil-każ ta’ l-apparat li twaħħal l-ajruport, jidher li dan huwa kkollegat direttament ma’ databases tal-Gvern Amerikan.
Iz-żminijiet inbiddlu u t-theddid u l-ultimatums żgur m’għadx għandhom posthom fil-politika barranija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta u ċertament hija importanti l-prudenza u s-sens ta’ bilanċ.
Madankollu xorta waħda ngħid li m’għandniex immorru għall-estrem l-ieħor li noħorġu lsienna barra ż-żejjed bil-konsegwenza li ħaddieħor jeħodna forgranted u jieħu kulma jrid minn għandna u pajjiżna jibqa’ b’idejh vojta.

wenzumintoff@yahoo.com

L-Ambaxxata Amerikana f’Ta’ Qali

Il-kuntratt tal-bejgħ bejn il-Gvern Malti u dak Amerikan tpoġġa quddiem il-Parlament fit-18 ta’ Lulju li għadda. Fost affarijiet oħra dan il-kuntratt jgħid li l-art li se tkun trasferita lill-Gvern Amerikan fiha medda ta’ 40,486 metru kwadru, jiġifieri iktar minn 36 tomna.
Il-prezz tal-bejgħ huwa ta’ USD18.5 miljun (Lm6.25 miljuni), jiġifieri Lm154 kull metru kwadru. Barra mill-prezz tal-bejgħ ġiet ukoll stipulata s-somma ta’ Lm135,000 li l-Gvern Amerikan se jħallas lil dak Malti għad-demolizzjoni u t-tneħħija ta’ l-istrutturi eżistenti. Dawn ix-xogħlijiet estensivi li jinvolvu t-tneħħija ta’ soffitti maħdumin b’materjal perikoluż bħal m’huwa l-asbestos, mistennija jiswew bil-bosta iktar mis-somma miftehma.
Waqt l-iskavar u t-tħammil tas-sit li qed isir f’fond imdaqqas, ftit tal-ġranet ilu nstabet bomba Ġermaniża taħt is-sala fejn sar l-għadd tal-voti f’elezzjonijiet mill-iktar jaħarqu. Ma’ l-ispiża tat-tħammil tas-sit, il-Gvern Malti ma jridx jinsa fil-kalkoli tiegħu l-ispiża li jrid jagħmel għall-counting hall f’xi post ieħor.
Fuq naħa dan il-kuntratt tal-bejgħ jgħid li l-propjetà mibjugħa għandha tintuża unikament u esklussivament bħala ambaxxata ta’ l-Istati Uniti imma fl-istess ħin hemm stipulat ukoll li jekk dan is-sit jkun trasferit lil terzi persuni, s’intendi mhux biex jiġi użat bħala ambaxxata, il-Gvern Malti jkollu r-right of first refusal biex jixtri l-immobbli mingħand minn jakkwistah skond il-valur ġust fis-suq tal-proprjetà. Ma ġie mħallas ebda boll fuq dan it-trasferiment peress li l-Ambaxxata għandha l-immunità diplomatika anki mit-taxxi u lanqas tħallsu spejjeż tan-nutar, ta’ l-Insinwa jew tar-Reġistru ta’ l-Artijiet.
L-istruttura ta’ l-ambaxxata l-ġdida se tkun iddisinjata biex tikkonsolida u ttejjeb il-faċilitajiet eżistenti u se tkun tinkludi l-kanċellerija, imħażen, marine security guard quarters u spazju għall-parkeġġ.

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti fl-istorja

1948-1949: Ftit tas-snin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Istati Uniti (US) ipprovdiet USD1,259,800,000 għar-rikostruzzjoni ta’ l-Ewropa bħala Marshall Aid. Malta kienet għamlet talba għal USD11,000,000 minn dan il-fond, jew 0.79% ta’ l-allokazzjoni tar-Renju Unit.
L-Ingliżi ma ridux li Malta tieħu sehemha direttament mill-Marshall Aid u lanqas riedu li Malta bħala kolonja tieħu sehemha mill-allokazzjoni tar-Renju Unit għax kienu jsostnu li dan seta’ jwassal biex l-Amerika tindaħal fl-affarijiet interni ta’ Malta.
Fuq din il-kwistjoni kien waqa’ l-Gvern Laburista ta’ Boffa wara l-famuża split li seħħet fl-MLP għax il-Perit Dom Mintoff, dak iż-żmien deputat mexxej, baqa’ jinsisti li jingħata ultimatum lill-Gvern Kolonjali Ingliż. Dan l-ultimatum kien jgħid li jekk l-Ingliżi jibqgħu jinsistu li Malta ma tipparteċipax direttament fil-Marshall Aid, l-Gvern ta’ Malta kien se jieħu l-kwistjoni quddiem il-poplu Malti u permezz ta’ referendum jiddeċiedi jekk riedx ikompli juri l-lealtà tiegħu lejn l-Ingliterra jew jitfax xortih wara l-Istati Uniti li jekk tkun lesta tagħti għajnuna ekonomika lil Malta setgħet tuża’ lil pajjiżna bħala bażi. Wara li Boffa spiċċa biex irtira dan l-ultimatum, il-Perit Mintoff irriżenja mill-kabinett ta’ Boffa u ftit tal-ġimgħat wara rnexxielu jisfiduċja lil Boffa mit-tmexxija u jkun elett mexxej ta’ l-MLP.

1951: Tiġi stazzjonata Air Squadron Amerikana ġewwa Ħal Luqa. Il-Prim Ministru Dr. George Borg Olivier jagħmilha ċara li għalkemm il-gvern tiegħu ma kellux oġġezzjoni, dan ma kellux ifisser li kien qed jaċċetta t-twaqqif ta’ bażi Amerikana f’Malta. Borg Olivier insista li Malta kellha tiġi kkumpensata finanzjarjament b’mod xieraq jekk l-Amerikani kienu se jagħmlu użu minn Malta imma dan il-kumpens baqa’ ma ġiex.

1952: Bil-liġi Amerikana dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità magħrufa bħala l-McCarran-Walter Act, tkun imposta kwota annwali ta’ 100 emigrant Malti lejn l-Amerika. Tinqala’ kwistjoni sħiħa l-aktar minħabba l-2,000 Malti li diġà kienu fl-Istati Uniti u li kien se jkollhom jistennew snin twal biex jingħaqdu ma’ qrabathom.

1953: Jitwaqqaf f’Malta il-Kwartieri Reġjonali tan-NATO fil-Mediterran. Skond Dr George Borg Olivier il-Gvern Malti kien kompletament injorat u ma ġiex ikkonsultat. Borg Olivier baqa’ jinsisti li Malta kellha tingħata kumpens xieraq għall-preżenza tat-truppi Amerikani li lanqas biss kienu jħallsu taxxi jew dazju fuq petrol, karozzi, spirti jew sigarretti li kienu jikkunsmaw.

1954-57: Permezz tal-programm tal-C.A.R.E. l-Gvern Amerikan kien jagħti b’xejn prodotti agrikoli bħal butir, ġobon, ross, ġamm u dqiq li kienu jitqassmu mill-Gvern Malti lill-familji fil-bżonn.

1963: Dr George Borg, Olivier Prim Ministru ta’ Malta li kienet għadha ma saritx indipendenti, jiltaqa’ mal-President Amerikan John F. Kennedy fil-White House, madwar xahrejn qabel l-assassinju tal-President Amerikan.

1964: Hekk kif Malta ħadet l-Indipendenza, il-Kwartieri Reġjonali tan-NATO f’Malta spiċċaw qegħdin fit-territorju ta’ pajjiż li ma kienx membru tan-NATO. Meta Borg Olivier beda jesplora b’mod mhux uffiċċjali jekk Malta setgħetx issir membru tan-NATO, bil-pulit kienu qalulu biex ma japplikax għal sħubija, lanqas bħala osservatur. Meta Malta talbet garanziji minn NATO kontra xi aggressjoni minn barra bħala rikompens għall-użu ta’ Malta minn NATO din ta’ l-aħħar kulma kkommettiet ruħha kien li tikkonsulta mal-Gvern ta’ Malta f’każ li l-integrità territorjali jew is-sigurtà ta’ Malta tiġi mhedda.

1971: Mill-ġdid fil-gvern il-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Dom Mintoff li ftit wara li ħa l-ġurament bħala Prim Ministru jiddikjara bħala persona non grata, lil Kap Kmandant tal-Forzi Alleati tan-NATO fil-Mediterran. Fit-13 t’Awissu 1971, in-NATO tħabbar l-irtirar tagħha minn Malta.

1972: Biex intleħaq ftehim bejn Malta u l-Ingilterra dwar il-kera ta’ faċilitajiet militari f’Malta l-Istati Uniti, permezz tan-NATO intervjeniet fin-negozjati u kkontribwit somma sostanzjali sabiex intleħaq ftehim. Kienu nteressaw irwieħhom direttament fin-negozjati l-President Nixon u s-Segretarju ta’ l-Istat Kissinger.

1980: Tinħaraq il-karriera politika tad-deputat Nazzjonalista Mario Felice li għal xi żmien kien ukoll avukat tan-NATO. Felice kien sejjer Washington u offra l-għajnuna tiegħu fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Mintoff jibgħat ittra lill-President Jimmy Carter u ftit wara kien wieġeb lura Carter fi skambju ta’ xejn aktar ħlief kortesiji. Isir jaf b’dan kollu Guido de Marco permezz ta’ l-Ambaxxatur Taljan Da Rin u eventwalment Felice ma jitlax fil-Parlament fl-elezzjoni tal-1981 minkejja li fl-elezzjoni ta’ l-1976 kien tela’ minn żewġ distretti.

1981: Il-President Ronald Reagan ma jaċċettax it-talba tal-Prim Ministru Mintoff biex l-Istati Uniti tiggarantixxi n-newtralità ta’ Malta għax il-konċessjoni ta’ garanzija bħal din kienet timplika arranġament ta’ sigurtà li l-Istati Uniti kienet lesta tagħtih biss lill-pajjiżi tan-NATO u lill-alleati tagħha.

1986: Il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici javża lill-mexxej Libjan Gadaffi li ajruplani ta’ l-Airforce Amerikana għaddew mill-ispazju ta’ l-ajru Malti ftit tal-minuti qabel ma kienet ibbumbardjata Tripli.

1989: Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti jieħdu daqqa ’l fuq bis-summit bejn Bush u Gorbachiov bl-għażla ta’ Malta ssir fuq suġġeriment tal-President George Bush Sr.

1990-93: Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jiħżienu sew minħabba l-każ ta’ Lockerbie u ta’ Ali Rezaq. Instabu provi li jindikaw li l-bomba li spoldiet waqt it-titjira Pan AM 103 kienet oriġinarjament telqet minn Malta fuq it-titjira ta’ l-Air Malta KM180 għal Frankfurt. Il-każ ta’ Ali Resaq kien qala’ kundanni għal Malta mis-Senat Amerikan wara li Ali Rezaq, wieħed mit-terroristi li ħatfu l-ajruplan ta’l-Eygptair fl-1985 fejn kienu mietu 54 ruħ, inħeles mill-ħabs ta’ Kordin wara biss seba’ snin. Rezaq wara li jinħeles minn Kordin, jiġi nterċettat mill-FBI fin-Niġerja u jittieħed l-Istati Uniti fejn ikun issentenzjat mill-ġdid għal għomru ‘l ħabs.

1995: Il-Gvern Nazzjonalista ta’ Dr Fenech Adami jdaħħal lil Malta fil-Partnership for Peace (PfP), programm tan-NATO li joffri koperazzjoni bilaterali prattika ma’ pajjiżi individwali. Malta tirtira mill-isħubija fil-PfP fl-1996 wara li kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali l-MLP. Lura fil-gvern fl-1998, il-Partit Nazzjonalista jgħid li mhix l-intenzjoni tal-gvern tiegħu li jerġa’ jdaħħal lil Malta fil-PfP.

1997: Il-Gvern Amerikan ma jġeddidtx il-ftehim ma’ Malta dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja li kien beda fl-1980.

2005: F’Settembru Malta tkun l-ewwel pajjiż wara l-Istati Uniti li jaħfer id-dejn li kellu miegħu l-Iraq (USD8 miljun). F’Ottubru l-Prim Ministru Lawrence Gonzi jżur lil President George Bush fil-White House, bl-iktar żewġ suġġetti importanti fuq l-aġenda jkunu t-tneħħija tal-visas għall-Maltin li jżuru l-Istati Uniti u t-tiġdid tal-ftehim dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja li qed ixekkel il-kummerċ bilaterali u jpoġġi lil Malta fi zvantaġġ kompettitiv.