12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
Dorna l-kantuniera

Dan kien l-ewwel kumment tiegħi dak inhar tal-baġit. Bħal ma nagħmlu kull sena, l-membri tal-Kunsill tal-GRTU, iltaqgħu biex jisimgħu flimkien id-diskors tal-baġit u jisimgħu l-analiżi li kont lestejt jien tan-negozjati kollha li kont mexxejt f’isem is-sidien tan-negozji mal-ministeru tal-finanzi, qabel il-baġit.
Iddeċidejna li dan hu kumment f’waqtu u għalhekk ħriġna bih bħala l-kumment ewlieni. Tliet kunsilliera
minn 16 ma qablux; tnejn minnhom telqu għax riedu li tgħaddi tagħhom.
Il-kumment jirrifletti ir-realtà.
Stajna għidna: wasalna. Imma la għadna ma wasalniex trid tkun għama biex tgħidha. Dorna l-kantuniera. Ħriġna mit-triq dejqa ta’ taxi u żidiet fir-rati ta’ ħlas ta’ kull m’għandu x’jaqsam mal-Gvern. Ħriġna mit-triq tat-tustaġni ta’ kapijiet ta’ ministeri u korpi parastatali inkluż l-awtoritajiet tat-taxxi li jaraw lil kull sid ta’ negozju bħal ħmar tas-sienja u lil klassi l-medja ta’ pajjiżna bħall- karretta li fuqha tista’ tgħabbi li trid.
Tlaqna mill-isqaq u dorna għal triq iktar wiesa’ għal fuq il-high way.
Ma wasalniex il-Ġenna, kif qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni xi back-benchers nazzjonalisti u s-soltu propogandisti li jiddominaw il-media nazzjonalista.
Iżda lanqas m’għadna fl-infern li jogħxew isemmulna
tas-SuperOne.
Il-pajjiż ħareġ mill-isqaq li tefgħuna fih il-politiċi fl-1995 meta waħluha f’rashom li bil-VAT jdaħħluna niġru fl-Unjoni Ewropea mal-grupp ta’ l-Awstrija u bamblu lil Malta bi straġi fis-sistema tal-finanzi nazzjonali li ħadna 10 snin ta’ kastigi biex ħriġna minnha u issa erġajna qbadna t-triq tal-loġika ekonomika.
Għal grazzja t’Alla matul dawn l-aħħar 10 snin ma tkissirniex. Stajna tkissirna. Għaliex pajjiż li jrid jibdel il-liġijiet tiegħu f’affari ta’ sentejn biex jikkwalifika bil-ġirja biex jidħol fl-Unjoni Ewropea u, wara li jidħol, jibdel l-istrutturi antiki, jispostja r-riżorsi b’mod mgħaġġel u jimponi volumi ta’ regolamenti u direttivi bla kont ta’ xejn ta’ l-impatt qares li dan kollu kien qed ifisser għall-intrapriżi, seta’ waqa’ f’fondoq li lanqas Alla l-imbierek ma kien joħroġna minnu.
Meta kont nikteb dwar dan waqt in-negozjati biex infakkar lill-gvern li fl-Unjoni Ewropea rridu nidħlu b’saħħitna u mhux b’daharna imfarrak bil-piżijiet ġodda, kienu malajr jittimbrawni li jien kontra l-Ewropa. Il-karba tiegħi kienet waħda: ejja naħdmu fuq post-accession strategy u nkunu lesti biex inħaddmuha hekk kif nidħlu.
Kont nisħaq sabiex is-sidien ta’ l-intrapriżi jibdew it-tellieqa fis-suq enormi Ewropew ħfief u lesti biex jinvestu u jiffokaw fuq kif jaħtfu l-opportunitajiet ġodda. Ejja niffukaw fuq kif nimmiraw l-attività produttiva tagħna lejn is-suq intern enormi Ewropew.
Imma għalxejn. Moħħhom kien li nidħlu. Affarijiet oħra narawhom wara, kienu jgħiduli.
In-nies tagħna, mhux il-burokratiċi, ħallsu prezz qares ta’ din il-politika.