12 ta' Novembru 2006
Il-maħturin: b’mertu jew patrunaġġ
Toni “For fairness’ sake let us put an end to political appointments. There are many apolitical and worthy candidates who deserve senior positions. May the best candidate win”… Anthony Fabri, Valletta – The Times, 26th October 2006.
Ħassejt li għandi nibda b’din l-ittra lill-editur tal-gazzetta The Times, mhux biex nagħmel riklam lil din il-gazzetta, iżda għax Anthony Fabri, mingħajr ma daħal fil-kontroversja ta’ min rabba t-tiġieġa, mar mill-ewwel għall-isfar tal-bajda. F’erba’ kelmiet qal dak kollu li jista’ jingħad fuq il-meritokrazija, jiġifieri – kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Hija diżgrazzja politika li f’pajjiżna l-partit li jirbaħ l-elezzjoni, iħoss li jkun rebaħ kollox, speċi ta’ winner takes all!
Jirbaħ id-dritt li jkollu l-aħħar kelma fit-tfassil tal-konfini elettorali, li x-xandir pubbliku, bil-pulit jew bil-goff, isir qisu bejta tal-Gvern, li jagħmel u jibqa’ għaddej b’liġijiet anke kontra s-sentiment u l-opinjoni pubblika; insomma, lista ta’ prerogattivi u privileġġi li fi kliem politiku jfisser min hu b’saħħtu jħawwel.
Fost il-ħafna privileġġi li ġġib magħha rebħa elettorali hemm il-ħatra ta’ mijiet ta’ karigi bi ħlas f’masġar ta’ bordijiet u awtoritajiet governattivi.
Ħafna jħarsu lejn dawn il-ħatriet bħala speċi ta’ ċejċa għal dawk li ħadmu qrib u għall-partit li jkun fil-gvern, qisu ‘Father Christmas has come to town’. Fil-fatt ħafna minn dawn li jokkupaw xi kariga ta’ direttur jew membru ta’ bord ikunu fost l-aktar politikament leali lejn “il-partit”. Tiltaqa’ ma’ nomini u ismijiet li ħafna drabi tkun iltqajt magħhom f’laqgħat politiċi, artikli partiġġjani u avvenimenti marbutin mal-partit li hemm fil-gvern. Jekk ma jkunux huma, ikunu nieshom, uliedhom in-nisa jew l-irġiel tagħhom. Allura nħolqot sistema ta’ patrunaġġ politiku li tassigura li żżomm kuntent lil min tant “qdiena tajjeb”. Apparti dan, il-gvern tal-ġurnata jista’ jistrieħ fuqhom biex ma jsirulu ebda kutrumbajsi u jħammru wiċċ il-politiċi. Din is-sistema, li issa għajjiet lil kulħadd, tassigura li f’dawn il-karigi jkun hemm mhux min għandu l-akbar merti, u għarfien ta’ suġġetti speċjalizzati, iżda min ikun fil-grazzja tal-partit fil-gvern. Sistema li teskludi lil min huwa l-aktar kompetenti biex jiġu aġevolati dawk li ħafna drabi jkunu inkompetenti u qegħdin fejn qegħdin biex ipappuha bil-kwiet.
Issa rrid nagħmilha ċara li dan ġara kemm taħt amministrazzjoni Laburista qabel l-1987... u l-istorja mhux biss qiegħda tkompli iżda ġiet ikkonsolidata taħt l-amministrazzjoni preżenti. Il-ħatra ta’ karigi f’bordijiet u awtoritajiet governattivi m’għandhiex titħalla f’idejn il-partiti waħidhom, għax wara kollox kull sold ħlas lil dawn in-nies ġej mit-taxxi tal-poplu kollu, anke minn dawk li mhux bilfors jaqblu mal-partiti. Apparti dan, dawn il-bordijiet suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, effiċjenti u responsabbli u mhux biex iservu bħala biċċa għodda politika biex kulħadd iżomm lil tiegħu kwiet. Min jinħatar għax minn tal-Pietà, jew mill-Ħamrun mhux neċessarjament jista’ jagħti dawn il-garanziji, jekk il-mod kif jiġu maħtura jkun prinċipalment meħjut mal-garża politika biss. F’dan is-sens, meta snin ilu saret offerta lill-MLP mill-PN biex jinnomina n-nies tiegħu f’dawn il-karigi, għamel sew Alfred Sant li rrifjuta din l-offertà għax ma riedx ikun kompliċi f’sistema bħal din li prattikament kienet tfisser li tkun qiegħed tistituzzjonalizza l-partitiżmu fil-gvern. Aktar u aktar, meta l-partit fil-gvern kien se jibqa’ numerikament f’maġġoranza f’kull bord u awtorità biex b’hekk id-deċiżjonijiet potenzjalment ħżiena ġġorrhom ukoll l-Oppożizzjoni.
Fis-sena u għaxar xhur li għamel il-Partit Laburista fil-Gvern bejn l-1996 u l-1998 ipprova jbiddel din il-mentalità, però l-iżball kien li kienet inizjattiva personali ta’ persuna waħda u ma ġietx ikkreata sistema li ma tippermettix dak li ġara u li għadu jiġri sal-lum.
Il-ħatriet f’dawn il-karigi m’għandhomx jibqgħu jsiru b’dan il-mod. Snin ilu kienet saret proposta lill-Kummissjoni Gonzi li dawn kellhom jibdew jingħataw fuq linji ta’ mertu, iżda bħal dejjem, proposti tajbin, li ma jdoqqux għal widnejn min qiegħed fil-gvern, baqgħu fuq l-ixkaffa biex intnesew taħt is-sediment tat-trab.
Fis-sewwa, kull gvern ikun irid nies li jagħmlu dak li jgħidulu, anke jekk dak li jkun se jsir ma jkunx fl-interess tan-nazzjon. Xi politiċi għandhom biża’ li jaħtru nies li jkunu ta’ karattru sod u li mhumiex lesti li jagħmluha ta’ trumbetta għal dak li jgħidulhom. Jiġini f’moħħi Anthony Galdes, eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Meta kien chairperson tal-Kummissjoni għar-Riforma tal-Pensjonijiet, sploda bl-ikrah meta qal li l-akbar tfixkil kien ġej min-naħa tal-Gvern u allura ta’ raġel li kien, irriżenja. Ieħor li ma jistax jintesa huwa Carmel Degabriele, eks chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, li għax għamel proposti li huma sensibbli dwar kif għandhom ikunu l-konfini elettorali, spiċċa mwarrab. Fiż-żminijiet meta għandna mewġa ta’ privatizzazzjoni selvaġġa, dik l-amażonika ta’ Marlene Mizzi ma ddejqitx tieqaf lil Austin Gatt u baqgħet issostni sa l-aħħar li s-Sea Malta kienet vijabbli. Dawn kollha għamlu bħal dak iż-żagħżugħ li fi Pjazza Tiennamen baqa’ wieqaf qisu xema’ quddiem it-tank tal-gwerra. Hekk għamlu dawn in-nies lill-politiċi. Jiena nemmen li hemm soluzzjoni waħda. Li kemm jista’ jkun il-partiti politiċi ma jkunux waħidhom fil-ħatriet ta’ awtoritajiet u bordijiet. Sal-lum għadni ma nistax nifhem għaliex ma jsirux sejħiet pubbliċi u jkun hemm konkors bejn min japplika, bħalma jiġri dejjem f’kull kariga tas-settur pubbliku meta ssir vakanti. Apparti dan, jiena nemmen li l-proċess ta’ l-għażla għandu jkun taħt il-ħarsien tal-ftit figuri istituzzjonali li jidher li għandhom il-fiduċja tal-klassi politika kollha, bħal per eżempju l-Ombudsman jew l-Awditur Ġenerali. La s’issa ġibna rwieħna ta’ vavi, naħseb li hemm bżonn min iżommilna jdejna biex naqsmu t-triq.
Id-demokrazija mhijiex proċess li jiġi darba kull ħames snin iżda għandha aspett ħafna aktar wiesa’. Fost oħrajn, kif jaħdmu l-istituzzjonijiet bejn elezzjoni u oħra. Għandna nsibu toroq li min jaħtar jiżboq lil min jaħtru.
Peppi Fit-triq tisma’ żewġ verżjonijiet ta’ dik li suppost hija realtà waħda. Tiltaqa’ ma’ Nazzjonalisti jgħidulek: ‘Il-Gvern tagħna u l-promozzjonijiet jeħduhom huma. Hemm bżonn nieħdu ħsieb lin-nies tagħna.’
Tiltaqa’ mal-Laburisti jgħidulek: ‘Sal-lum ħatfu kollox in-Nazzjonalisti. Issa nittama li meta jitla’ il-Labour nibdew ingawdu aħna.’
Għalkemm m’għandix xi riċerka xjentifika f’idejja naħseb li r-realtà qegħda mhux daqstant f’dak li jiġri iżda f’dak li n-nies jistennew li jiġri. Sfortunatament in-nies għadha taħseb li l-Gvern huwa ta’ xi parti mill-poplu li jkun ivvutalu. Qisu l-vot, għal xi wħud, huwa investiment biex jinqdew u jieħdu l-promozzjonijiet.
Din hija kultura li tibqa’ tirrendi l-politiku bħala qaħbu jew qaħba li jrid iwiegħed jew twiegħed u jaqdi lil dak u lil dik.
Lili jgħiduli: ‘Anzi fi żmien il-Labour ħallewk tibda Xarabank’.
Frażi li turi kif naħsbu. Li tinsa li Xarabank beda u kompla għax jekk xejn kien l-iktar programm popolari f’għaxar snin. Li riduh in-nies mhux il-politiċi.
Il-ħatriet żgħar jew kbar għandhom jingħataw biss lil min huwa jew hija kapaċi li jaqdi l-kariga. Għax anke għall-persuna nvoluta hija inġustizzja li ‘jirranġawlu’ u imbagħad iħossu inferjuri, bla ebda stima tiegħu nnifsu għax jaf li jkun daħal mhux b’mertu tiegħu jew tagħha iżda ‘għax imbuttah iż-żiemel tiegħu’.
Fuq ix-xogħol ma’ sħabu jew sħabha se jibqa’ ttimbrat li qiegħed jaħdem hemm ‘għax tal-Ministru’, għax tkellmulu u rranġawlu.
Hawn Malta jgħidulek ‘mhux x’taf imma lil min taf’. Biex inkun ġust, bil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet li qabel kienu f’idejn il-Gvern, il-meritokrazija tiffunzjona aktar. Għalkemm ma rridux nagħmlu l-iżball li naħsbu li l-favoritiżmu jiġri biss fejn jidħol il-Gvern. Jista’ jkollok sid privat li jimpjega persuna mhux kwalifikata ‘għax jiġi minnha, għax it-tifel tal-ħabib jew ħabiba’.
Dan ukoll narah abbuż u naħseb li għandu jkun hemm regolamenti serji anke fejn jidħlu mpjiegi mal-privat.
Ma rridux nesaġeraw. Malta żgħira u fl-għażla tan-nies mhux li tista’ titfixkel. Lanqas huwa sew li għax dak jiġi mill-Prim Ministru iżda huwa kapaċi ma jingħatax kariga ‘biex ma nidhrux koroh, biex ma jġibuniex fuq il-gazzetta’. Għal kull ħatra u kull promozzjoni li ssir se ssib li l-persuna tiġi minn xi ħadd, taf lil xi ħadd, kienet l-iskola ma’ xi ħadd, missierha kien canvasser ta’ politiku u l-bqija.
Inkella se jibqa’ jkollna persuni kapaċi li ma jaċċettawx il-karigi għax jibżgħu li jiġu ttimbrati li ħadu l-kariga mhux għax kapaċi iżda għax huma tal-partit.
F’dan is-sens tqum ukoll il-mistoqsija l-oħra: il-gvern, fuq il-bordijiet għandu jagħżel nies tal-partit tiegħu bir-raġuni jew skuża li lilhom jista’ jafda?
It-tweġiba kumplikata. Ejja nassumi li l-Gvern iwaqqaf bord biex jaddotta s-sistema ta’ streaming fl-iskejjel u ejja nassumi li jagħżel li jaħtar lili fuq dan il-bord. Issa jiena nzertajt ma naqbel assolutament xejn ma’ l-istreaming u nemmen fl-iktar sistema inklussiva possibbli. Allura jekk it-twemmin tiegħi ma jkunx jaqbel ma’ tal-Gvern preżenti kif nista’ naċċetta li nkun fuq dan il-bord?
Jekk jiena, bħala eżempju, fhimt u għadni nifhem li l-Unjoni Ewropea hija ta’ ħsara għal pajjiżna, kif nista’ ninħatar ambaxxatur li jippromwovi lil Malta fl-Unjoni Ewropea?
Allura naħseb li n-nies magħżula biex imexxu entitajiet tal-Gvern jew ambaxxaturi ta’ l-anqas iridu jkunu jemmnu fil-politka li jħaddan il-Gvern tal-ġurnata. Ma jistgħux imexxu jew jagħtu kontribut f’xi ħaġa li ma jemmnux fiha. Kemm għall-kredibilità tagħhom u kemm għax-xogħol li jkunu se jagħmlu. Iżda dan ma jfissirx li allura jrid bilfors ikun partitarju tal-partit fil-gvern. Jista’ jkollok persuni validi fil-kamp oppost li fuq issue partikolari jaqblu u għax huma kapaċi jistgħu jkunu f’bordijiet mingħajr kunflitt ma’ dak li jemmnu.
Iżda nifhem ukoll li ċerti karigi sensittivi għandhom jitħallew f’idejn nies fdati. Ħadd ma jiskandalizza ruħu li l-assistent personali jew ix-xufier ta’ ministru jkun persuna li l-ministru jafda u li aktarx tkun ġejja mill-istess partit. Iżda anke fl-għażla tidħol il-meritokrazija. Mhux għax persuna tafdaha jfisser li hi tajba għal dak ix-xogħol. Ċerti ħatriet ikunu bbażati fuq ‘kemm nafdaw’ aktar milli fuq il-kapaċitajiet ta’ dawk ‘fdati’.
Għall-elezzjoni li ġejja l-meritokrazija se tkun issue importanti ħafna. L-MLP fit-22 xahar fil-Gvern kien ipprova ma jqanqalx terrimoti u l-lingwaġġ użat kien fis-sens li ried ikun Gvern tal-Maltin u l-Għawdxin.
Xorta ħatar persuni f’bordijiet għax kienu fdati minnu iżda ħalla oħrajn li dehrlu li jista’ jafda. Il-ħasra kienet li wara li l-MLP tilef l-elezzjoni nstemgħet l-għajta, l-aktar fuq Super One għal ġimgħat sħaħ, li l-Gvern tal-Labour tilef l-elezzjoni ‘għax ma qediex lin-nies tiegħu.’
Illum l-MLP għandu problema serja. Jekk iwiegħed li se jkun partit ta’ kulħadd allura jkollu protesti qawwija mill-għeruq tiegħu. Jekk iwiegħed li se jaqdi lin-nies tiegħu, l-ewwel, jew biss, se jkollu l-floaters li huma l-aktar kontra din is-sistema ta’ klijentaliżmu.
L-iżball ikun jekk l-MLP iċedi għall-pressjoni għax jibqa’ jaħseb li tilef l-aħħar elezzjoni għaliex ma qediex lin-nies tiegħu. Din illużjoni.
Fil-każ tal-PN irid jassigura li l-idea tal-ħbieb tal-ħbieb ma tibqax kwistjoni għax anke n-Nazzjonalisti jiddarsu jekk jifhmu li huma mhux parti minn dawn il-ħbieb.
Il-floaters li minnhom jiddependu ż-żewġ partiti ma jridux din is-sistema għax huma nies li ma jmorrux jittallbu mingħand ħadd u jippretendu li jieħdu dak li huwa tagħhom bid-dritt.
Jekk taħseb ftit għala n-nies jivvutaw u lil min jivvutaw tifhem kemm hi kwistjoni importanti li taf tqanqal rabja jew biża’. Hija kwistjoni li taf trebbaħ jew ittellef elezzjoni.