12 ta' Novembru 2006
Logħob bil-kliem fuq il-Mellieħa
Il-kwistjoni dwar l-iżvilupp propost fil-Wied tal-Madonna fil-Mellieħa ħadet xejra ġdida din il-ġimgħa hekk kif ħareġ ċar li kemm il-Gvern kif ukoll il-Mepa m’għandhomx studji f’idejhom li kapaċi jmeru l-politika li qed titħaddem għal dan il-wied li jikkwalifikah għal żvilupp.
L-uniku studju eżistenti sar dan l-aħħar minn espert indipendenti u bi spiża għar-residenti li joqgħodu madwar dan il-wied u li għal dawn l-aħħar snin għamlu minn kollox biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet konċernati li l-iżvilupp propost se jkisser il-fiżjonomija tal-wied u wkoll tal-Mellieħa.
Fl-isfond tal-fatt li dan l-aħħar il-Kabinett tal-Gvern iddeċieda li fil-widien m’għandux isir żvilupp, din il-gazzetta kienet f’kuntatt kontinwu mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u mal-Mepa bl-iskop li tikseb aktar tagħrif dwar x’qed isir fil-konfront ta’ dan il-wied.
Il-Ministeru u l-Mepa ħarġu bi tweġibiet kontrastanti għall-mistoqsijiet li għamilna u nsistew li ma jagħtu l-ebda opinjoni fuq applikazzjonijiet għal żvilupp.
Kelliema għall-Mepa sostniet li l-awtorità hija “ċerta mill-ġeografija tal-post, ħaġa li wieħed jista’ jaraha b’għajnejh ukoll u għaldaqstant qatt ma qalet li dan mhux wied.”
Iżda kelliem ieħor għall-ministeru għall-ambjent ippreċiża fuq dak li qal ġimgħa ilu fil-Parlament George Pullicino għall-interpellanza li saritlu mid-Deputat tal-PN Michael Gonzi fuq il-kwistjoni:
“Il-Ministru qatt ma qal li l-Pjan Lokali jippermetti żvilupp. Li qal hu li s-sit kien fi ħdan il-konfini ta’ żvilupp skond l-Iskemi Temporanji tal-1988 u li din il-pożizzjoni kienet konfermata fil-Pjan Lokali. Dan hu differenti minn meta tgħid li l-Pjan Lokali jippermetti żvilupp. Jista’ jkollok sitwazzjoni fejn sit ikun fi ħdan il-konfini għall-iżvilupp iżda l-applikazjoni tkun rifjutata fuq il-bażi ta’ policies oħra tal-Pjan ta’ Struttura u l-Pjan Lokali, jew li s-sit jiġi skedat.”
Għalkemm dawn il-verżjonijiet jistgħu jagħtu nifs lir-residenti, din il-gazzetta hi nfurmata li f’laqgħa li saret din il-ġimgħa f’wieħed mill-kumitati eżekuttivi tal-Mepa, l-awtorità ma sabitx oġġezzjoni għall-iżvilupp propost fil-Wied tal-Madonna.
Fir-rapport idroloġiku li tfassal mill-inġinier Marco Cremona f’isem ir-residenti taż-żona, u li kopja tiegħu tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, kien spjegat bl-aktar mod ċar li l-Wied tal-Madonna jagħmel parti minn korsa ta’ l-ilma naturali u għalkemm jeżistu xi strutturi, dawn ma jfixklux din il-korsa.
Intqal li “l-iżvilupp propost joħloq preċedent perikoluż.”
Fil-konsiderazzjonijiet tiegħu l-inġinier Cremona jispjega ċar li waqt li wieħed jista’ jipprova jintervjeni billi jiddevja l-korsa ta’ l-ilma fil-wiċċ waqt maltempata, żgur li ħadd ma jista’ jbiddel il-korsa ta’ l-ilma taħt l-art.
“L-ewwel mhu se jbati l-konsegwenzi ta’ l-ilma minn taħt l-art li jnixxi l-wied se jkun l-iżviluppatur innifsu,” sostna l-inġinier Cremona f’kummenti lil din il-gazzetta.