12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
Lm50,000 multa jekk tikkopja DVD
Jekk int wieħed minn dawk li tikkopja d-DVDs allura jaqbillek tiftaħ għajnejk.
Il-gvern qed jevalwa rakkomandazzjonijiet li għandu quddiemu biex fix-xhur li ġejjin tkun emendata l-liġi b’tali mod li min jinqabad jikkopja DVDs u jkun involut fil-piraterija jeħel multa sa massimu ta’ Lm50,000.
Bħalissa l-piena għal min jinqabad f’dan it-tip ta’ negozju illegali hija sa massimu ta’ 12-il xahar priġunerija u multa ta’ Lm5,000.
Il-Ministru tal-Kompetittività Censu Galea kkonferma ma’ din il-gazzetta li fil-jiem li għaddew id-diviżjoni tal-kummerċ irċeviet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Assoċjazzjoni kontra s-Serq tad-Dritt Intelletwali ta’ l-Awtur (AACT).
Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta’ dawn il-proposti u eventwalment kull tip ta’ deċiżjoni trid tittieħed fuq livell ta’ Kabinett.
Illum huwa infurmat li wara dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm ukoll il-Motion Pictures Association li taħtha jaqgħu kumpaniji kbar bħal Warner u l-Columbia. L-Assoċjazzjoni Maltija kontra s-serq tad-Dritt Intelletwali (copyright) hija membru attiv ta’ din l-assoċjazzjoni internazzjonali.
F’kummenti lil din il-gazzetta, Joe Borg, Direttur tal-Programmi fi ħdan l-AACT ikkonferma li fl-aħħar xhur dan is-settur kompla jintlaqat ħażin mill-piraterija l-aktar minħabba kkuppjar qawwi ta’ films, mużika u anke logħob tal-kompjuters.
Borg jisħaq li fix-xhur li għaddew saru bosta laqgħat ma’ l-awtoritajiet inkluż madwar sena ilu mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Joe Borg jgħid li “bil-kliem sal-lum kulħadd jgħidilna li għandna raġun dwar il-piraterija madankollu s’issa ma wasalna mkien.”
Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi b’multi baxxi għal min iwettaq dan it-tip ta’ reat. Bidla fil-liġi fix-xhur li ġejjin tqarreb aktar lejn il-mudell Ewropew fejn pajjiżi bħal-Lussemburgu għandhom multi li jammontaw għal madwar 50,000 ewro.