12 ta' Novembru 2006
Familji f’Raħal Ġdid ‘iggassjati’ L-Enemalta: “qed nistennew rapport ta’ l-espert”
Julia Farrugia
Gassijiet li qed joħorġu minn kamra proprjetà ta’ l-Enemalta qed iqanqlu tħassib fost għadd ta’ familji f’Raħal Ġdid. Il-kamra tinsab fi Triq it-Tfief u sservi bħala xaft ta’ emerġenza mqabbad mal-mina ta’ Ħas Saptan.
Għal snin twal ir-residenti lmentaw li minn din il-kamra qed toħroġ riħa qawwija ta’ gass. Ir-riħa tkun l-iktar qawwija kmieni filgħodu u tard filgħaxija.
Residenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta jsostnu li sal-lum l-awtoritajiet ħallewhom fl-għama u dan minkejja l-bosta ilmenti li għamlu.
Omm irrakkuntat kif binha ta’ erba’ snin spiċċa jbati minn problemi respiratorji. Anzjan ieħor li tkellem magħna saħaq li “is-sitwazzjoni hija nsapportabbli. Sajf u xitwa nsakkru t-twieqi tad-dar imma r-riħa qawwija ta’ gass xorta waħda tidħol f’imnifsejk.”
Illum investigat x’ġara mill-ilmenti ta’ dawn il-familji. Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ikkonferma li hu ressaq dan il-każ saħansitra quddiem l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u b’ittra datata 9 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill talab lill-MEPA biex tintervjeni u tagħmel moniteraġġ ta’ l-arja.
Dawn it-testijiet intalbu wara l-biża’ li l-gassijiet jistgħu jkunu tossiċi. Uffiċjalment sena wara din it-talba l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ma rċieva l-ebda risposta mill-awtoritajiet u dan minkejja ittra oħra li ntbagħtet biex tfakkar li r-residenti għadhom bla tweġiba.
Sorsi qrib il-MEPA kkonfermaw magħna li f’Jannar ta’ din is-sena l-MEPA talbet lill-Enemalta biex tinvestiga dan il-każ meta normalment tkun il-MEPA li tagħmel moniteraġġ ta’ l-arja.
Wara disa’ xhur sħaħ, l-Enemalta qed tgħid li “il-Korporazzjoni qed tistenna r-rapport ta’ l-espert maħtur biex jinvestiga dan il-każ.”
Kelliem għall-Enemalta sostna ma’ din il-gazzetta li l-korporazzjoni lesta tieħu kull tip ta’ azzjoni biex jekk hemm xi inkonvenjent għar-residenti dan jitneħħa. Mhux magħruf f’liema stadju wasal dan ir-rapport u kemm fadlilhom jistennew ir-residenti biex iserrħu rashom.