12 ta' Novembru 2006
Disgħa l-qorti fuq pornografija Julia Farrugia
Wara l-każ żvelat minn din il-gazzetta l-Ħadd li għadda dwar film pornografiku maħdum minn grupp ta’ żgħażagħ Maltin li nvolva tifla taħt l-età mingħajr ma kienet taf li qed tkun iffilmjata, nhar it-Tlieta l-Pulizija ressqet ħames persuni l-Qorti u akkużathom, fost l-oħrajn, b’abbuż ta’ minorenni.
Iż-żgħażagħ ammettew li kienu l-moħħ wara l-film pornografiku. Il-film inħadem f’garaxx il-Ħamrun u kien miġbud aktar kmieni din is-sena. Mill-istħarrig ta’ l-investigaturi sar magħruf li xi xhur ilu t-tfajla ta’ 17-il sena saret taf li fis-suq kien hemm DVD b’atti sesswali li kellha ma’ wieħed mill-ġuvintur. Madankollu sabitha bi tqila tagħmel rapport dwar dan il-każ.
Il-persuni ngħataw sentenzi redikoli bil-ġuvni li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tfajla l-iktar li jeħel: sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Sadanittant, matul din il-ġimgħa, seħħet żvolta ġdida li wasslet lill-Pulizija tifrex l-istħarriġ tagħha fuq xibka ġdida ta’ pornografija. F’sit ta’ l-internet Malti qed ikun reklamat film pornografiku ieħor maħdum minn ‘koppja’ Maltija. Ġurnalisti ta’ din il-gazzetta rnexxielhom jakkwistaw dan il-film għall-prezz ta’ Lm5. Wara l-istħarriġ li għamilna, ilbieraħ il-Pulizija ressqet erba’ persuni l-Qorti fosthom omm, bintha ta’ 17-il sena u l-għarus tagħha li kienu jagħmlu l-kopji ta’ dan il-film. Huma kienu jgħadduhom lil ġuvni mis-Swieqi li kien hu li jqassam id-dvd lil min jordnah fuq l-internet.
F’dan il-film il-koppja titkellem bil-Malti waqt mumenti intimi. Il-filmat huwa miġbud b’mod dilettantesk b’tali mod li jqanqal dubji serji dwar jekk il-mara f’dan il-film kienx mingħalija li qed jinġibed biss għall-użu privat ta’ bejn il-koppja.
Quddiem fenomenu bħal dan hemm fattur importanti: kemm hu legalment aċċettabbli li filmati jew ritratti privati, anke jekk mhux neċessarjament b’kontenut adult, jistgħu jitpoġġew fuq l-internet jew għall-bejgħ mingħajr il-kunsens ta’ l-individwu?
Ikkuntattjat mill-gazzetta Illum, Paul Mifsud-Cremona, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, ikkonferma li kull tip ta’ immaġini li titpoġġa fuq l-internet jew li tingħata għall-bejgħ għandha ssir biss bil-kunsens tal-persuna identifikata fl-istess filmat jew ritratt.
“Jekk dan il-kunsens ma jkunx ingħata, u dan ikun dikjarat mill-Kummissarju tad-Data bħala ksur tal-liġi tad-data fuq ilment li jkun irċieva, il-parti offiża tista’ tfittex lil min abbuża għad-danni ċivili.”
F’każ ta’ persuni taħt it-18-il sena l-kunsens irid jinkiseb mingħand il-ġenituri jew mingħand l-individwu li jkollu r-responsabbiltà tat-tfal.
Minn kemm ilu mwaqqaf l-Uffiċju tal-Kummissarju tad-Data, din l-istituzzjoni għadha qatt ma rċeviet ilmenti minn persuni fuq filmati pornografiċi li nġibdu għall-użu privat u spiċċaw jiġru fl-idejn.
Mhux eskluż li dan huwa frott in-natura sensittiva tal-każ, l-aktar għaliex persuni ‘użati’ f’films pornografiċi jsibuha diffiċli jressqu r-rapport tagħhom quddiem l-awtoritajiet: min għax forsi jibża’ li l-każ jitperreċ fil-pajjiż jew inkella minħabba l-biża’ li tkun affettwata l-ħajja privata jew miżżewġa tagħhom.