12 ta' Novembru 2006
ATTENTI: Dawradurella perikoluża Kurt Sansone
L-inċident li seħħ fil-bidu tas-sajf fil-playing field ta’ San Ġwann fejn tifel ta’ tliet snin weġġa’ serjament meta waqa’ minn fuq dawradurella meqjusa perikoluża mill-espert tal-qorti donnu ma serviex bħala xogħfa. Fil-ġnien ta’ quddiem il-knisja ta’ l-Imsida sal-lum għad hemm dawradurella bħal dik ta’ San Ġwann.
Filwaqt li d-dawradurella fejn seħħ l-inċident serju, ma tistax tintuża għaliex hija marbuta ma’ l-art fuq ordni li ngħatat mill-pulizija wara li weġġa’ tifel fuqha, dik fl-Imsida għada qed tintuża qisu xejn mhu xejn.
Minkejja l-gravità ta’ l-inċident, li kważi ħalla lit-tifel għall-mewt, il-kunsilli lokali ma rċevew l-ebda direttiva sabiex ineħħu strutturi simili perikolużi fil-playing fields li jaqgħu fil-lokalità tagħhom.
Is-sindku ta’ l-Imsida, f’kummenti li ta lil din il-gazzetta, sostna li jkun lest li jneħħi d-dawradurella fil-ġnien ta’ quddiem il-knisja kemm-il darba jirriżulta li hi perikoluża.
“Miniex konxju ta’ xi rapporti fuq id-dawradurella però hija issue li tinkwetani,” qal is-sindku Alex Sciberas. Huwa sostna wkoll li matul it-tliet snin li ġejjin il-kunsill beħsiebu jinvesti f’tibdil ta’ tagħmir fil-playing fields tal-lokal.
Minkejja li l-espert imqabbad mill-qorti biex iħejji rapport fuq l-inċident ta’ San Ġwann diġa lesta l-konklużjonijiet tiegħu, dawn għadhom maqfula għand il-maġistrat inkwirenti.
Illum tkellmet ma’ l-espert Vincent Ciliberti li ma riedx jikkumenta dwar l-inkjesta. Madankollu, f’Ġunju meta seħħ l-inċident, l-orizzont ikkwotat sorsi qrib il-qorti li qalu lill-gazzetta li l-espert ta parir biex id-dawradurella tinqala’ għaliex kienet perikoluża.
Ikkuntatjat minn Illum, il-Maġistrat Michael Mallia li qed jinvestiga l-każ ta’ San Ġwann, tenna li ma jistax jikkonkludi l-inkjesta għaliex mhux l-esperti kollha ssottomettew ir-rapporti tagħhom.
Sadanittant, it-tfal tagħna għadhom esposti għal perikli fil-playing fields varji li hawn mal-pajjiż, jistennew li sseħħ xi traġedja simili.