Jista’ jfisser li l-adoloxxenti huma konxji ta’ fejn għandhom ifittxu l-għajnuna. Iżda l-fatt li 105 żgħażagħ taħt it-18-il sena żaru l-isptar Boffa biex jagħmlu testijiet mediċi għal mard trasmess sesswalment huwa wkoll indikazzjoni ta’ kemm huma sesswalment attivi.
Mhux magħruf kemm minn dawn l-adoloxxenti nstabu pożittivi għal xi tip ta’ mard infettiv. Iżda l-istatistika uffiċjali turi li sa Settembru li għadda kien hemm 101 pazjent ta’ kull età li kienu nfettati b’mard trasmess sesswalment.
L-iktar mardiet komuni huma l-chlamydia u l-gonorrhea minkejja li f’moħħ ħafna nies l-iktar marda serja marbuta mas-sess hija l-HIV jew l-AIDS.
Għalkemm mhumiex qattiela daqs l-AIDS, kemm il-chlamydia kif ukoll il-gonorrhea jistgħu joħolqu problemi fiżiċi ta’ natura gravi meta ma jkunux ikkurati mill-ewwel.
It-tabib Philip Carabot tal-GU Clinic fl-isptar Boffa, li tispeċjalizza fil-mard sesswali u problemi oħra relatati, qal li t-30 każ ta’ chlamydia rrappurtati ma jirriflettux ir-realtà.
Hemm ukoll il-fattur li din il-marda hi ‘silenzjuża’.
Is-sintomi tal-chlamydia ma jidhrux u tagħmel ħsara kbira fil-ġisem bla ma l-persuna tinduna. Normalment, persuna tinduna li ġiet infettata meta jkun tard wisq għax ikollha problemi ta’ infertilità.
It-tabib Carabot ma kienx sorpriż li din il-marda hi l-aktar waħda trasmessa f’Malta meta tikkunsidra li hi l-iktar waħda komuni fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja. Hu sostna li ftit huma dawk in-nies li jafu dwar din il-marda.