12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
Satelliti Ewropej għal skopijiet militari
Il-Gvern jgħid m’hemmx għalfejn

Kurt Sansone

Galileo, is-sistema ta’ navigazzjoni satellitari mħaddma mill-aġenzija spazjali Ewropea, m’għandiex funzjonijiet militari. Madankollu l-Kummissjoni Ewropea hija tal-fehma li din is-sitwazzjoni għandha tinbidel.
Skond il-Kummissarju Ewropew Jacque Barrot, l-Ewropa se jkollha tikkunsidra li tuża s-sistema ta’ satelliti fl-ispazju wkoll għal skopijiet militari sabiex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-proġett.
Jekk dan iseħħ ikun ifisser bidla fil-politika tal-UE.
F’kummenti lil din il-gazzetta, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li kwalunkwe bidla fil-politika ta’ l-UE f’dan ir-rigward tkun teħtieġ l-approvazzjoni ta’ l-istati membri kollha.
“Filwaqt li tibqa’ konxja tal-bżonn li jinstab mezz ta’ kif ikunu rkuprati l-ispejjeż involuti, Malta tħoss li qabel ma wieħed jikkunsidra li juża lil Galileo għal skopijiet ta’ difiża, wieħed għandu jeżawrixxi l-possibilitajiet kollha ta’ ffinanzjar,” il-kelliem qal lil Illum.
Il-gvern Malti jibqa’ kunfidenti li Galileo se tappella kemm għall-entitajiet pubbliċi kif ukoll privati madwar id-dinja sabiex tkun użata f’diversi setturi li m’humiex militari.
Galileo, li se jkollha 30 satellita b’kollox iduru madwar id-dinja, tista’ tintuża għal skopijiet ta’ navigazzjoni u trasport fost l-oħrajn.
Sa mit-tfassil tiegħu l-programm spazjali ta’ l-UE kien intenzjonat li jaqdi funzjonijiet ċivili biss, tant li huwa mmexxi minn awtoritajiet ċivili.
Bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea Malta wkoll għandha sehem mid-deċiżjonijiet dwar il-programm spazjali ta’ l-UE.