12 ta' Novembru 2006
‘Gidma’ ta’ Lm50,000 Karl Stagno-Navarra
L-Awtorità dwar il-Mediċini tinsab f’taqlib hekk kif il-kontrollur finanzjarju tagħha Richard Micallef tkeċċa mill-impjieg u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin mixli bi frodi ta’ madwar Lm50,000 għad-dannu ta’ l-istess Awtorità.
Matul dawn l-aħħar jiem, Richard Micallef minn Tas-Sliema, kien interrogat mill-Pulizija dwar l-għibien ta’ ammonti sostanzjali ta’ flus mill-kontijiet ta’ l-Awtorità li tirregola s-suq tal-mediċini fil-pajjiż Mill-istħarriġ li sar, jirriżulta li nħolqu kontijiet kurrenti paralleli u li ntużaw biex kienu depositati ħlasijiet mingħand importaturi tal-mediċini, li xorta baqgħu jirċievu l-kontijiet għall-ħlas ta’ liċenzji u reġistrazzjoni.
Il-flus li daħlu fil-kontijiet fittizji, huma rrappurtati li ntużaw għal safar privat, kiri ta’ karozzi u stil ta’ ħajja ta’ kapriċċ.
Richard Micallef, li kien sieħeb f’negozji li fallew, kif ukoll uffiċċjal fl-aġenzija tal-Gvern dwar l-informatika l-MITTs, hu magħruf sew fiċ-ċrieki għoljin tas-soċjetà u ta’ spiss jintlemaħ f’parties u f’riċevimenti.
Din il-gazzetta hija infurmata li diversi uffiċċjali mill-aġenzija ta’ awditjar intern tal-Gvern bħalissa qed jikkonkludu l-istħarriġ tagħhom dwar il-frodi mwettqa fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini, u mistennija jgħaddu r-rapport finali tagħhom lill-Pulizija.
Dan ir-rapport se jikkwantifika kemm hi kbira ‘il-gidma’ li ġarrbet l-Awtorità dwar il-Mediċini, filwaqt li se jservi wkoll bħala prova fil-każ li se jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali.
Fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini ntant, qed issir ħidma intensiva biex is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal wara l-ħasda li għaddew minnha l-impjegati meta sar magħruf x’seħħ internament.