12 ta' Novembru 2006 - Sport Il-moħħ wara l-attendenzi l-kbar
Mark Attard
Ikolli nammetti…fil-logħba tar-rugby ma tantx jien intiż. Jew inkella, qatt ma sibt ħin u spazju biex imqar għal darba f’ħajti nsegwi lit-tim Nazzjonali tagħna mill-viċin.
Imma wara żewġ logħbiet fi ftit jiem ma stajtx inħalli għaddej avveniment bħal dan mingħajr ma nitlob intervista lil xi ħadd mill-Unjoni Maltija tar-Rugby.
Kont Radju X FM, meta qsamt dawn il-ħsibijiet mal-kollegi tiegħi. Fil-pront nisma’ leħen irqiq ġej mill-lemin tiegħi. “Jien lest inlaqqgħek ma’ min trid”. Fil-pront weġibtu lura, “Int kif tidħol fil-Federazzjoni Maltija tar-rugby?” Qalli li kien l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi ta’ l-Unjoni Maltija. Naħtfu fil-kelma u nsaqsih jekk hux lest li jagħtini intervista. Jgħidli “iva”…għall-erwieħ!, anke jekk f’mument daqshekk delikat wara żewġ telfiet, ma qarrasx wiċċu u aċċetta mill-ewwel. Mhu ħadd ħlief Nick Gatt, ġuvni ta’ 24 sena minn San Ġiljan. Leħnu huwa magħruf l-aktar fuq ir-radju ma’ dawk dilettanti tal-mużika moderna. Huwa t-tieni minn sitt aħwa ta’ Raymond u Sue Anne.
Ħafna jiftakru lil Nick fuq Radio 101, Calypso Fm, A3 Fm u preżentament fuq X Fm. Ix-xogħol tar-radju f’ħajtu ma jibdlu ma’ xejn. Imma Nick sar familjari sew mal-logħba. “Sa tliet snin ilu ma kont nifhem xejn. Kont u għadni nsegwi l-futbol għalkemm qatt ma kont iffissat.”
B’nofs daħka jsaqsini x’naħseb jien fuq ir-rugby. Bl-arja kollha ngħidlu li narah sport salvaġġ. Fil-pront jisserja. “Jien kont naħseb bħalek. Kont nara geġwiġija ta’ nies jaqbżu fuq xulxin. Mhux il-każ. Meta tibda ssir familjari mal-logħba tiskopri li r-rugby hu sport ta’ ġentilezza.”
Qabel ma nieħu nota ta’ dak li qed jgħid, nerġa’ nħares lejh biex nara hux qed jiċċajta. Itenni…“Fil-grawnd ikun hemm ħafna daħliet goffi, imma fir-rugby jeżistu tliet taqsimiet. L-ewwel u t-tieni taqsima tal-logħba u dik li wara l-partita l-plejers kollha taż-żewġ naħat jiftehmu u joħorġu jiddevertu kollha flimkien.”
It-tnejn nintilfu f’daħka żgħira. Nieħdu tazza ilma, niftaħ il-pitazz, u nagħmillu l-ewwel mistoqsija.
Ma setax jonqos…x’ġara fiż-żewġ partiti kontra l-Latvja u l-Kroazja?
“Il-kowċ ma kellux tim komplet kif xtaq. Kienu neqsin sitt plejers regolari. Paul Marzella, Dean Zammit, Rohan Spiteri, Joe Sultana, Dominic Busuttil u Steve Haycock ma kinux fl-iskwadra. Xorta mhix skuża valida għax il-prestazzjoni tagħna kienet waħda diżastruża. Il-Kroati ġew bi 22 plejer u nofshom ma kinux fil-lista tal-istess tim meta rbaħnilhom f’April li għadda. Dak inhar ħallew l-aħjar plejers warajhom. Ir-referi Spanjol ma ffavorina xejn u kellna ċerti plejers li ma tawx il-massimu tagħhom. Oħrajn ibbrillaw, imma fir-rugby jekk ma tkunx tajjeb kollettivament ma tagħmel xejn.”
Fuq il-logħba ta’ kontra l-Latvja ma qalli xejn. Żewġ ħsibijiet ikkapparaw moħħi għal moment…“tgħid nesa jew ħarabli minnha?”. Nerġa’ nfakkru. “Kontra l-Latvja ma kontx hemm. Naf ftit fuq dik il-logħba imma s-sitwazzjoni hija waħda simili. Il-Latvja rbaħnilhom tliet snin ilu u minn dak iż-żmien l’hawn, għamlu avvanzi kbar ‘il-quddiem. Xorta tim li għandu ranking aħjar minnha.”
Ġiet f’moħħi l-mistoqsija imma evitajta. Allura ngħid jien, jekk għaddew tliet snin għall-Latvja, f’Malta weħel l-arloġġ?!…
Dawwart id-diskors fuq xogħlu. Kemm toħodlu mill-ħin tiegħu l-kariga li għandu, fl-unjoni li għada titwieled? “Ix-xogħol ta’ PRO kiber f’daqqa f’dawn l-aħħar tliet snin kemm ilna nagħmlu success. Meta dħalt jien, mill-ewwel ħdimt biex nibni relazzjoni mill-aqwa mal-media kollha ta’ pajjiżna. Jekk wieħed janalizza l-ħidma tagħna f’dawn l-aħħar snin, jinduna x’fama ħadet il-logħba. Hemm differenza enormi mill-passat.”
B’innoċenza nsaqsih jekk fejn jidħlu faċilitajiet, għandniex daqs il-barranin. Jerġa’ jitbissem u fi ftit sekondi nbidel f’raġel mifxul li jrid iħabbat rasu ma’ l-ewwel xi ħaġa iebsa li jsib quddiemu.
“Ilna neżistu sitt snin. Il-gvern qed jara l-logħba tikber. Ħafna Membri Parlamentari jiġu l-grawnd jaraw il-partiti u jafu bis-sapport li jeżisti. U tidħak meta tara s-sitt timijiet li jeżistu f’Malta jittrenjaw fl-istess ħin u fl-istess grawnd tal-Marsa.”
Ninħasad, nerġa’ nħares lejh u minnufih tasal il-mistoqsija obbligatorja tiegħi. “Kif jista’ jkun jittħarġu kollha f’daqqa fejn xulxin? “Jien rajthom b’għajnejja stess sitt klabbs f’daqqa fejn xulxin fuq l-istess art. Dawn huma wħud mill-problemi li qed niffaċċjaw. Lill-Gvern ilna niktbulu permezz tal-Kunsill Malti għall-iSport żmien twil. Mal-Gvern u l-KMS tlift il-kont ta’ kemm-il laqgħa kellna. Sal-lum għadu ma sar xejn. Bqajna fejn konna. Mhux talli hekk. Tliet snin ilu l-International Rugby Union tatna 50,000 sterlina x’nużaw biex nonfquhom f’xi ħaġa li tkun ta’ ġid għalina bħala faċilità. Jekk ma nużawhomx se nitilfuhom. Għidli bi ftit aktar minn 30,000 lira Maltin x’tista’ tixtri f’infrastruttura f’pajjiżna. Il-Gvern irid jgħinna fil-kumplament. Jekk mhux se jagħmel dan, “addio” l-flus li tawna.”
Smajt li fl-aħħar partita kontra l-Kroazja kien hemm aktar minn 3,000 partitarju. Saħansitra aktar minn ċerti logħbiet fejn jidħol it-tim nazzjonali tal-futbol.
Insaqsih jistax jiżvelali x’inhu dan is-sigriet. Deher xi ftit ħusbien sakemm reġa’ faqqa d-daħka tipika tiegħu.
“Colin Fitz u Joe Tanti. Jiġu jaraw lilhom in-nies.” Dħakt ukoll, konxju li t-tnejn li huma ħbieb tiegħi u naf x’karattru għandhom. “Nibda naħdem minn xahrejn qabel. Indur l-istazzjonijiet kollha biex nara fejn nistgħu nsibu ħinijiet qosra fejn imqar inwasslu l-messaġġ u b’hekk inkunu qed nieħdu l-pubbliċità. Għal-logħba tal-Kroazja, kellna 17-il programm fejn inwasslu l-messaġġ tagħna. Dan minbarra r-reklamar fuq radji, ġurnali u issa anke fuq it-trasport pubbliku. Ħassejt li tkun priorità li nwasslu l-messaġġ tagħna fejn issegwi l-familja kollha, bħall-programmi ta’ fuq it-televiżjoni ta’ wara nofsinhar. Dawk huma trasmissjonijiet li jsegwi kulħadd.”
Tibqa’ ċċassat aktar meta tiskopri li l-kelma “flus”, anqas biss teżisti fil-vokabularju tal-plejers Maltin. “L-uniku full-timer huwa l-kowċ Damian Neill. Ġibnih apposta minn Wales. Kulħadd jaħseb li aħna xi unjoni li nagħmlu gelgul ta’ liri. Mhux il-każ. L-isport tagħna għadu ħaj grazzi għal sponsor bħal Farsons għax nofs il-klabbs jaħdmu miegħu. Ilu jgħinna ħafna u dan aħna nirrikonoxxuh, tant li Louis Farrugia huwa President Onorarju tal-federazzjoni tagħna. Aħna amateurs f’kull sens tal-kelma. Il-plejers dan jafuh u jifhmuh. M’għandniex flus minn fejn inħallsuhom. Però xorta jilgħabu għall-flokk.”
Rajt li fit-tim hemm plejers li jilagħbu u jgħixu barra l-pajjiż. Kont ċert li bħal sport ieħor, aktar ma jkollna plejers jilagħbu barra, aktar aħjar. Bqajt sorpriż bir-risposta. “Ikun ħażin ħafna għall-iżvilupp ta’ l-isport lokalment. Għalkemm barra minn Malta, il-livell huwa ħafna aħjar, il-ħsieb tagħna hu li sas-sena 2013, il-plejers tat-tim Nazzjonali jkunu kollha jilagħbu fil-kampjonat Malti. Huwa vera li grazzi lil dawn il-plejers li ġejjin minn barra, li dawk lokalment ħadu aktar esperjenza. Imma nixtiequ li l-plejers tagħna jmorru jilagħbu barra għax ikun verament ħaqqhom, u mhux għax ikunu twieldu hemm u jibqgħu hemm.”
Ħsieb intelliġenti li jikkonferma kemm din l-unjoni hija ottimista. Staqsejtu jekk isibux lill-kowċ ta’ għajnuna f’dawn l-affarijiet. “Damian ilu Malta għal dawn l-aħħar tliet snin. Jgħin f’kollox lil kulħadd. Karattru ħelu ħafna u minbarra li naħdem miegħu fl-isfera tar-rugby, huwa ħabib personali tiegħi. S’issa kull kowċ li kellna mexxiena pass ‘il quddiem u Damian kompla kabbar il-logħba f’pajjiżna.”
Tlabtu jagħtini ċerti eżempji. Ħatafni fil-kelma. “Ħafna affarijiet. Il-mod tat-tmexxija hija waħda professjonali. Il-logħba tas-Sibt tikkonferma dan kollu. Dak ix-xogħol kollu li sar, huwa frott ta’ ħidma maqsuma fuq għaxar persuni. Ninsabu tim tajjeb ħafna.”
Ħaġa misterjuża u kurjuża hi, kif fir-rugby għamilna avvanzi kbar meta nqabblu dan l-isport ma’ oħrajn li ilhom snin twal. “Favorina l-fatt li fl-IRB hemm regola tgħidlek li pajjiż jista’ juża plejers minn pajjiżi oħra li jkunu tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Għalhekk aħna għandna dawk li jiġu mill-Awstralja u r-Renju Unit. Il-kowċ jitla’ kultant jagħmel training camps hemmhekk fuq suġġerimenti li jkollna minn barra stess. Xejn ġdid! Bħal ma nagħmlu aħna, jagħmluh nazzjonijiet kbar oħra fosthom l-Italja. X’hemm ħażin?”
S’issa t-tim Nazzjonali kellu ħafna sodisfazzjonijiet kbar. Il-fatti juru li minn 28 logħba milgħuba fuq bażi kompetittiva, rbaħna 14, tlifna 13 u ġejna draw darba. Erġajt staqsejtu, “allura liema kien l-akbar sodisfazzjon s’issa?”
Ħakk rasu darba…anzi darbtejn, “Il-logħba kontra d-Danimarka ta’ Mejju 2005 ma ninsiha qatt. Għaddejna mill-ewwel għat-tieni rawnd u għat-tielet ukoll. Fl-istess ħin, bdejna tilgħin sew fir-rankings. Kienet storja għax fl-ebda sport Malti bħala tim ma kellna min wasal daqshekk. Ridna nilagħbu play-off u l-polza laqqgħatna mad-Daniżi. L-ewwel leg tlifnih b’distakk ta’ 9 punti u allura hawn Malta ridna nirbħu b’10 punti distakk jew aktar. Sa minuta mit-tmiem, konna 26-30 minn taħt sakemm Steve Haycock għamel “try” u l-Hibs Ground sploda bil-ferħ.”
Nick wera sodisfazzjon kbir għall-fatt li għandhom relazzjoni mill-aqwa ma’ l-IRB. Biss, baqgħalu ħolma. Dik li r-rugby f’pajjiżna jkun stmat daqs sport ieħor. Inħares lejn l-arloġġ. Kien sarli l-ħin għal appuntament ieħor. Irringrazzjajtu. Kellu lil min jirringrazzja hu wkoll. “Kowċ, plejers, media, voluntiera u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħinu lill-isport kollu f’pajjiżna. Ma rridx ninsa lill-assistenta tiegħi Gail Debono. Issa nidejna website ġdida www.maltarugby.com. Nispera li tkun segwita. Aħna qed nagħmlu l-mirakli.”