12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
Robert Fisher f’Malta

Robert Fisher, il-moħħ wara Willard Grant Conspiracy, se jkun qed idoqq f’Malta nhar it-Tlieta 14 ta’ Novembru fit-Teatru tal-MITP, il-Belt Valletta.
Il-kunċert huwa organizzat mill-AM Promotions li din is-sena stess ġabu l-band Franċiża John et Jehn u iktar riċentement lill-band Ingliża This Et Al.
Willard Grant Conspiracy ilhom iduru bit-tours tagħhom is-sena kollha, sabiex imexxu l-aħħar album tagħhom ‘Let it Roll’. Issa Fisher qed idur l-Amerka u l-Ewropa għal dawn it-tliet xhur f’postijiet iżgħar u iktar intimi. Huwa ħerqan li ġej Malta u jaraha bħala opportunità sabiex jiltaqa’ nies ġodda u jdoqq il-mużika tiegħu bl-aħjar mod li jista’.
Il-band irnexxielha toħloq sitt albums u hija magħrufa bħala waħda mill-aħjar bands għall-mużika folk alternattiva. Il-mużika u l-albums tagħhom kienu spiss imfaħħrin minn bosta rivisti amerikani u ingliżi.
Il-vuċi baritona ta’ Fisher ħafna drabi bi mqabbla ma’ ta’ Leonard Cohen, Nick Cave, Johnny Cash u Stuart Staples tat-Tindersticks, addattata ħafna għall-kitba mużikali tiegħu li hi pjuttost imnikkta.
Il-Willard Grant Conspiracy ingħaqdet fl-1995 f’Boston Massachusetts u fil-bidu bdiet bħala kollobarazzjani ta’ Fisher ma’ Paul Austin flimkien ma’ mużiċisti differenti li jinbidlu spiss. Fost dawn kien hemm membri minn Lambchop, Madder Rose, Dream Syndicate u The Walkabouts.
Il-biljetti huma Lm5 u jistgħu jinxtraw mill-Exotique Sliema u City Gate, il-Belt Valletta, Dazzle f’San Ġwann u The Pub fil-Belt Valletta. Għadd ta’ biljetti għall-istudenti bil-prezz ta’ Lm3.50 jistgħu jinkisbu permezz t’email info@alternativemalta.com
Se jkun hemm party wara l-kunċert fil-Castille Wine Vaults il-Belt stess. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 99459555 jew tiċċekkjaw www.alternativemalta.com kif ukoll www.willardgrantconspiracy.com