Din hija Mimi Vella
Onġi onġi onġella,
Din hija Mimi Vella
onġi o kavallier.
Ħuduha la triduha
Lil Mimì m’għandniex x’nambuha,
Ġorruha bla salib
Għax hekk ħaqqhom tal-perit!
Franica Pulis
Fuq kitba ta’ Clare Azzopardi, dan id-dramm jiffoka fuq il-frustrazzjoni u d-dwejjaq li ġarrbu l-Laburisti fis-snin 60 fl-Interdett. Dawn huma rrakkuntati permezz ta’ Mimì, ruħ ta’ Laburista attiva ta’ dawk iż-żminijiet, li għadha ma tistax issib mistrieħ minħabba li ma ġietx midfuna f’art konsagrata.
Il-karattru ta’ Mimì, maħdum minn Alison Desira, jiggranfa mal-vanita` u l-memorji tagħha sabiex tinsa s-solitudni. In-nieket u l-biżgħat joħorġu l-aktar meta ssemmi bosta drabi li niesha mhux se jibqgħu jiftakru fiha għax m’hemmx isem jew ritratt fuq qabarha. Desira tat interpretazzjoni tajba ta’ karattru mweġġa` b’burdati jinbiddlu minn ħin għall-ieħor, għalkemm kellha mumenti daqsxejn drammatiċi żżejjed ukoll.
Jibbilanċja d-dwejjaq ta’ Mimì kien hemm il-karattru tad-deffien, maħdum minn Joseph Galea, jirrakkonta b’mod satiriku u ironiku xogħlu fiċ-ċimiterju. Il-monologu kien mimli botti politiċi dwar Malta t’issa u ta’ l-imgħoddi, b’mument oriġinali għall-aħħar fejn il-bziezen li tatu martu, saru l-perit Mintoff u l-Arċisqof Gonzi. Galea qaxxarha l-parti tad-deffien, u rnexxielu jorbot ċerta relazzjoni ma’ l-udjenza. Irnexxielu ftit inqas fil-parti tar-Re Kreon; f’waqtiet minnhom ma tantx inftiehem jitkellem u l-karattru kien jiflaħ ikun iktar kattiv jew irrabjat.
Il-biċċa t’Antigone in-ġenerali kienet ftit batuta, minħabba li min ma kienx jaf l-istorja Griega dam ma fehem x’kien qed jiġri u probabilment dam m’għaqqad iż-żewġ stejjer flimkien. Marion Zammit, bħala Antigone kellha waqtiet tajbin għalkemm f’xi drabi kienet drammatika żżejjed. Fil-parti ta’ l-anġlu kienet ħafn’aħjar bi preżenza qawwija u espressjonijiet tajbin anki jekk qattgħet ħafna mill-ħin ma tiċċaqlax.
Il-palk kien idea oriġinali ta’ Pierre Portelli, struttura forma ta’ qabar kbir abjad li għalkemm sempliċi kienet effettiv ħafna.
Ix-xogħol li kien kollobarazzjoni t’Inizjamed u teatrutramm kien esperiment ambizzjuż u forsi xi ftit riskjuż. Dan minħabba t-tema taħraq li ntagħżlet kif ukoll il-kitba li kienet forma ta’ monologi, fejn wieħed faċilment seta’ jitlef l-interess. Minkejja dan kollu, irnexxa u anki s-simboli li kien imħawwar fih, għenu biex iżommu ‘l udjenza interessata matulu. Li kellu mbagħad, il-ftuħ u l-għeluq kienu ftit batuti. L-ewwel parti damet ftit ma rrankat u l-aħħar biċċa tawlet ix-xogħol. Ċerti siltiet fiżiċi, apparti l-mument fejn Desira u Galea rrapreżentaw l-istatwi tal-irħam tal-oqbra, ma tantx kien hemm kuntest għalihom. Kien ikun aħjar kieku nstabet alternattiva għalihom jew saru b’mod differenti.
Madankollu x-xogħol xorta waħda kien ta’ suċċess, ħasra li ntwera fuq tlett ijiem biss.