12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006
Novembru: ix-Xahar tal-Kotba

Il-Fiera, li hi t-22 waħda għal din is-sena, saret tiġbed eluf ta’ qarrejja lejha.
Fil-Fiera, li se ssir fis-Sacra Infermeria f’Dar il-Mediterran, jinġabru l-pubblikaturi lokali u magħhom il-ħwienet ewlenin li jistiednu lil dawk li jħobbu l-kotba biex jixtru l-aħħar ħarġiet u forsi xi ktieb li jkun qabżilhom mill-kollezzjoni tagħhom. Din is-sena se jkun hemm iktar minn 20 esebitur. Se ssir ukoll iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Matulha se jitqassmu premjijiet għall-aqwa kotba li ħarġu matul is-sena li għaddiet. Din is-sena l-awturi u l-pubblikaturi tal-kotba daħħlu mhux inqas minn 166 ktieb għal dan il-konkors, id-doppju tas-sena ’l għaddiet. Din iċ-ċerimonja tkun mistennija l-aktar mill-kittieba biex jaraw il-kritika li tkun ħarget fuq xogħolhom.
Iż-żewġ attivitajiet huma organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb.
Bis-saħħa tal-Merlin Library Ltd. se jkollna l-opportunita’ li ngawdu l-preżenza tal-kittieba barranija Annie Dalton. Dalton kisbet suċċess fenomenali bil-kotba tagħha ‘The After Dark Princess’ u ‘Night Maze’.
It-tfal ser ikollhom l-opportunita’ li jisimgħu lill-preżentaturi tat-televixin jaqraw xi siltiet t’awturi magħrufin bħal Trevor Zahra, Charles Casha, Clare Azzopardi u Pierre J. Meilak. Il-kitbiet se jaqrawhom Miriam Dalli, Peppi Azzopardi, Joe Debono, Tania Muscat u Claudette Pace. Din qed issir biex iħajru lit-tfal jaqraw iktar sa minn età żgħira. Fl-istess ħin hemm l-okażjoni għal divertiment edukattiv.
Poeżijaplus se toffri serata differenti. Se jkunu nterpretati kanzunetti miktuba minn poeti u kittieba. Il-kanzunetta meta tkun tajba u mimlija emozzjonijiet hi poeżija perfetta.
Se jkun hemm it-trasport mill-venda tal-Belt Valletta għal Dar il-Mediterran. Il-ħlas ser ikun ta’ 15-il ċenteżmu kull rotta. Ir-rotta hija numru 98 u titlaq minn Putirjal minn ħdejn il-venda tal-pulizija taħt is-sur.
Id-dħul huwa b’xejn; kemm għall-fiera kif ukoll għall-attivitajiet li se jkun hemm għaddejjin.

Karl Schembri
Hemm xi raġuni għala nkiteb ‘Il-Manifest tal-Killer’?
Nimmaġina l-istess raġunijiet għaliex nikteb affarijiet oħra - rabja, frustrazzjoni, bżonn li neqleb id-dinja ta’ taħt fuq u li nirrakkonta storja.

Minn xiex inhu ispirat? Fuq xiex inhi l-istorja?
Ispirat mir-ribelljoni anarkika li hawn Malta qatt ma kellna - ribelljoni li tattakka l-medjokrità Maltija li ninsabu midfuna fiha, mit-televiżjoni pubblika sal-Eurovision, minn Becky u Tista’ Tkun Int sa l-istqarrijiet medjevali tal-Gift of Life.
L-istorja hija dwar watchman komuni tal-gvern, attivista anonimu li qed jhedded li jiddistabilizza l-pajjiz bil-messaġġi tiegħu fuq l-internet li jiffirmahom bħala Il-Killer, u klikka ta’ punks u rockers ribelli li jieħdu l-protesta tagħhom sal-Eurovision. Ovvjament kontrihom hemm is-setgħat kollha tal-kummerċ, tal-kristjaneżmu u tal-kretiniżmu kulturali.

‘Kif tħossok li trid taħdem fuq il-kitba tiegħek part-time biss?
M’għandix għażla, iżda naħseb li kieku naħdem fuq il-kitba full-time ikolli ħafna inqas x’nirrakkonta. L-ebda awtur ma jista’ jgħix f’torri ta’ l-avorju, għalkemm uħud jagħtuk dik l-impressjoni. Il-ġurnaliżmu jagħtini kemm ħafna mill-materja prima ta’ l-istejjer li nikteb kif ukoll il-bżonn li naħrab minnu f’dinja li nivvinta jien. Mingħajr problemi ta’ libell. S’issa.

Hemm xi ġeneru ta’ ktieb li tippreferi minn ieħor?
Is-satira nahseb hija l-iktar ġeneru li nippreferi.

Trevor Zahra
‘Sħab’, ir-raġuni għala nkiteb, kienet l-istess bħal meta nkiteb ‘Sfidi’ - għax m’hawnx biżżejjed letteratura għal qarrejja adoloxxenti?
Iva, inħoss li għad hawn nuqqas kbir ta’ kitba għall-adoloxxenti. ‘Sħab’ huwa mmirat għal qarrejja kemmxejn iżgħar, forsi bejn it-12 u l-14-il sena… għalkemm din hija suġġettiva ħafna.

‘Sħab’, minn xiex hu ispirat? Fuq xiex inhi l-istorja?
Fil-ktieb hemm għaddejjin diversi sotto-kurrenti, forsi l-akbar fosthom huwa t-trawma li t-tfal jgħaddu minnha meta l-ġenituri tagħhom jinfirdu. Iżda hemm wkoll laqtiet umoristiċi bis-saħħa tad-djarju ta’ Rafael Falzon. Il-ktieb imiss ukoll id-dinja tal-fantasija. L-isem Sħab ġej mid-delizzju li kellu Toby, il-protagonista tal-ġrajja: l-osservazzjoni tas-sħab. Toby tant kien iffissat fuq dan id-delizzju li saħansitra bena website bir-ritratti li kien jiġbed… website li l-qarrejja jistgħu jidħlu fiha tassew. Iżda minbarra li kien mitluf wara s-sħab, Toby kien mitluf ukoll wara Christine li dwarha Toby għamel scrapbook sigriet. Dan l-iscrapbook jinsab ukoll fil-ktieb, iżdsa se jkun issiġillat u jinfetaħ biss meta l-ġrajja tasal fih.

Kif tħossok, issa li qed taħdem biss fuq il-kotba u l-illustrazzjonijiet?
Inħoss li nista’ nesperimenta b’aktar libertà u nimxi bil-pass tiegħi. L-esperimentazzjoni teħtieġ il-ħin u s-sabar… u bħalissa nħoss li għandi mit-tnejn.

Hemm xi ġeneru ta’ ktieb li tixtieq tesperimenta bih?
Qed naħdem fuq kotba għat-tfal li jkunu aktar interattivi, jiġifieri l-qarrej mhux biss jinxteħet bil-qiegħda jaqra r-rakkont, imma jkun jeħtieġ jieħu sehem huwa wkoll f’dak li jkun qed iseħħ. Iżda dan ukoll jeħtieġ riċerka, pjanar dettaljat u kif diġà għidt, ħafna paċenzja.

Għamilt xi żmien taħdem fil-Pantomimi li kont tikteb int stess għal-Liċeo tal-Bniet taż-Żejtun. Timmissjah il-palk? Xi jrid ikun biex forsi terġa’ tibda tirreċta?
Il-palk ħabbejtu minn dejjem. Tfuliti u żgħożiti kollha qattajthom nirreċta fuq il-palk ċkejken li kellna fiċ-ċentru ta’ l-Azzjoni Kattolika. Imbagħad komplejt dan kollu fl-iskola taż-Żejtun, fejn mill-1990 lil hawn bdejna ntellgħu pantomima kull sena. Għalkemm illum għadni xorta waħda niktbilhom dawn il-pantomimi, ħassejt li wasal iż-żmien li nieqaf mill-involviment dirett li kelli. Iżda qatt ma tista’ tgħid x’għad nerġa’ nagħmel ’il quddiem. L-imġienen qatt ma tkun taf biex ħerġin.

Kotba/ proġetti għall-futur?
Dalwaqt nippubblika ktieb dwar il-kitba nnifisha: ġabra ta’ ideat, analiżi u kummenti dwar il-kitba kreattiva. Huwa xogħol immirat għal kulmin jixtieq jidħol “wara l-kwinti” biex jiskopri l-mekkanżmi ta’ l-arti tal-kitba. Għal nofs is-sena d-dieħla mbagħad se nippubblika ġabra ġdida ta’ novelli għall-kbar; ktieb li semmejtu ‘Sepja’, waqt li għall-tmiem is-sena d-dieħla nittama li nippubblika wkoll biċċa xogħol ġdida li għadni qed naħdem fuqha u li għal issa ma nixtieq ngħid xejn dwarha.

Il-kollaborazzjoni li għandek mal-grupp tat-Teatru Dù bħalissa - x’wasslek biex tagħtihom xogħol li għadu lanqas biss ġie ppubblikat?
Simone Spiteri kienet ilha tgħidli li xi darba tixtieq li taħdem fuq xi ħaġa bbażata fuq ix-xogħlijiet tiegħi. Tkellimna kemm-il darba dwar dan u meta darba semmietli li tixtieq taħdem xi ħaġa bi sfumaturi umoristiċi, tajtha taqra n-novelli ta’ ‘Sepja’, li għalkemm mhumiex kollha f’vena umoristika, ħafna minnhom imissu sew din il-burdata. Qbilt ħafna ma’ l-idea ta’ Simone li dawn jużawhom bħala punt tat-tluq jew ispirazzjoni u mhux biex jiġu drammatizzati b’mod dirett. Anzjuż ħafna biex nara r-riżultat.

 

Hemm xi ġeneru ta’ ktieb li tixtieq tesperimenta bih?
Kotba Bibbliċi, sagri u profetiċi.

Kotba/ proġetti għall-futur?
Nixtieq xi darba nikteb il-ktieb tal-budget.

Kemm hemm biografiku fil-kitba tiegħek?
Madwar 25 fil-mija - li hija l-medja fost l-awturi ta’ l-Ewropa. 

‘Il-Manifest tal-Killer’ hu ppublikat minn Choppy Books, dar tal-pubblikazzjonijiet imnedija minn MediaToday bl-għan li tippublika xogħlijiet ġodda t’awturi Maltin.