12 ta' Novembru 2006
Sant iwissi dwar ‘serp’ Diriġenti għolja tal-Partit Laburista jafu min hi l-persuna ta’ ġewwa li nfurmat lil NET TV bil-laqgħa li saret fiċ-Ċentru Laburista tal-Ħamrun bejn deputati Laburisti u erba’ kuntratturi li dwarhom inqala’ kjass sħiħ fl-Istampa. Ken Alfred Sant li kkonferma dan waqt assemblea ta’ distrett, laqgħa fejn delegati tal-partit isemmgħu leħinhom fuq għadd ta’ issues.
Sant kien qed jirreaġixxi għall-kumment delegat li lmenta li ma jistax ikun li “serp mara” tkompli tagħmel ħsara lill-Partit Laburista. B’differenza minn drabi oħra, Sant kompla ma’ dan il-kumment u rrefera għall-ħruġ ta’ informazzjoni mill-kwartieri fil-Ħamrun billi tkellem fuq il-każ mingħajr ma ta ħjiel jekk il-persuna hijiexminn mara jew raġel.
“Jidher li din il-persuna b’ li għamlet kixfet idejha u hemm il-provi,” qal Sant.
Il-mexxej Laburista sostna illi fuq din il-persuna għandu l-provi.
“Għandi l-provi min hi din il-persuna. Meta jiġi l-mument inressaqha quddiem il-konferenza ġenerali u jiddeċiedu d-delegati.”
Il-kuntratturi li żaru Dubaj fl-istess żmien li delegazzjoni Laburista wkoll kienet qiegħda fuq xogħol uffiċjali fl-Emirati, huma Carmelo Penza, Raymond Vella, Patrick Dalli u Denis Baldacchino.
Dak li ġibed l-attenzjoni ta’ l-Istampa kien il-fatt li l-kuntratturi kienu qed joqogħdu fl-istess lukanda tad-deputati Laburisti Charles Mangion, Charles Buhagiar u Leo Brincat, kif ukoll s-Segretarju Internazzjonali Joe Mifsud. Xi wħud minn dawn il-kuntratturi huma wkoll sħab fin-negozju ma’ Mangion u Buhagiar.
Il-każ seħħ ħames xhur ilu.
Jidher li l-lista ta’ min kien Dubaj l-ewwel ma ħarġet kienet fil-programm Bondi Plus u mbagħad kompliet tintnefaħ fl-istampa Nazzjonalista.
Dan wassal biex l-erba’ kuntratturi u d-deputati Laburisti bdew proċeduri ta’ libel kontra ġurnalisti mill-media Nazzjonalista. Biex jiddeċiedu dwar il-passi legali l-kuntratturi ltaqgħu mad-deputati Laburisti fil-kwartieri l-Ħamrun.
Meta kienu telgħin fil-lift taċ-ċentru, persuna ċemplet il-kamra ta’ l-aħbarijiet ta’ NET TV u stednithom biex jaslu wasla saċ-ċentru.
Il-kuntratturi ma ltaqgħux ma’ Alfred Sant li dak il-ħin kien qiegħed f’laqgħa separata.
Meta ħarġu l-kuntratturi u d-deputati Laburisti dawn sabu ma wiċċhom il-kameras tan-NET TV.
Din il-gazzetta saret taf li wara dan l-inċident persuna ltaqgħet ma’ wieħed mid-diriġenti tal-Partit Laburista biex turi l-għadab tagħha għal dak li ġara.