12 ta' Novembru 2006 - Intervista
Sa ma l-mewt tifridna
Julia Farrugia tintervista lil Brenda
Koppja Maltija tliet snin ilu għaddiet minn ġrajja partikolari. Jum fost l-oħrajn ir-raġel mar fuq martu u tgħarrfilha li hu jrid jibda jgħix fil-beraħ bħala mara għaliex din kienet l-emozzjoni li ġarr mistura miegħu għal numru twal ta’ snin. Din hija l-ġrajja ta’ Brenda.
Tektika pulita fuq il-ħġieġa tal-bieb ta’ barra. Waslet Brenda. Konna hemm qabilha.
Ta’ 47 sena, b’tul ta’ aktar minn sitt piedi u b’figura perfetta, Brenda mill-ewwel tiċċajta dwar il-photoshoot li se nagħmlu. F’tebqa t’għajn tħossok komdu titkellem magħha bħal donnha ilek tafha s-snin. Fi kwarta li domna nieħdu r-ritratti tant ġegħlitni nidħak li l-ftit ħsibijiet li kelli dwar kif se tiżvolġi l-intervista dabu fix-xejn. Tagħtik sensazzjoni ta’ kemm hija ktieb miftuħ u bla kantunieri. Tirrakkonta kif ta’ 17-il sena, dak iż-żmien bħala ġuvni, iltaqgħet ma’ Sue. Wara għerusija ta’ sentejn il-koppja żżewġet u kellha tifla. “Kien żwieġ feliċi ħafna u bqajna sal-lum flimkien. L-uniku ġlied tagħna biex ngħinu lil xulxin.”
Brenda tistqarr li meta kienet żgħira kienet tħossha differenti. Imrobbija fost erba’ subjien xorta kienet tħoss fiha l-element ta’ tifla.
“Illum wara dawn is-snin kollha l-affarijiet qed jagħmlu aktar sens,” tgħid.
Mas-snin Brenda baqgħet tħossha aktar mara milli raġel imma fil-ħajja miżżewġa ma xtaqetx toħloq problemi għat-tifla tagħha. Kien tliet snin ilu meta t-tifla tagħha żżewġet li Brenda sabet ruħha f’salib it-toroq. Taqbida interna. Il-ħsibijiet komplew isusu aktar minn qatt qabel sakemm fl-aħħar Brenda tkellmet mat-tabib tal-familja.
Kien dan it-tabib li għaraf is-sitwazzjoni delikata u rrefera lill-klijenta għand psikologu u psikjatra li kkonfermaw li Brenda “kienet sana u m’hemm l-ebda problema mentali.”
Kien imiss pass importanti: Brenda riedet tagħti l-aħbar lill-mara tagħha Sue. “Ma ridtx nitlifha. Għall-ewwel ma kinitx faċli imma aħna dejjem konna open flimkien u dan il-fattur għena.”
Brenda u l-mara kellhom jattendu għal sessjonijiet ta’ pariri kemm flimkien kif ukoll separatament. It-tobba lil Brenda kellmuha ċar u tond: “l-għażla li toħroġ fil-beraħ mhix għażla faċli. Ħa jkun hemm min jagħlaqlek il-bieb tax-xogħol. Ħa jkun hemm min ma jaċċettakx.” Dan kollu kien minnu.
Kien għad fadal ħsieb ieħor li kien qed itaqqalha: it-tifla. Brenda riedet tispjegalha dan kollu. Ir-reazzjoni ta’ bintha ta’ 24 sena għall-ewwel kienet daqqa ta’ stallett. Wara din l-aħbar it-tifla għamlet sena u nofs ma tkellimhiex.
Brenda kienet qalbha maqsuma imma fl-istess ħin fehmet li t-tifla kienet se titlef l-immaġini ta’ persuna bil-maskilintà tagħha. Illum is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. Brenda saret ukoll nanna u għandha relazzjoni eċċellenti mhux biss ma’ bintha imma wkoll man-neputija. Bħalissa waslu fil-fażi fejn flimkien ma’ nies esperti fis-suġġett qed isibu l-aħjar triq kif Brenda tkun ippreżentata lin-neputija u dan biex minn età żgħira ċ-ċkejkna ma jkollhiex tgħaddi minn trawma psikoloġika.
B’xagħar skur twil sa fuq spallejha u bi dwiefer twal illimati puliti nsibha diffiċli nimmaġina lil Brenda bħala l-ħaddiem li kien jaħdem fuq rig taż-żejt barra minn Malta. Tispjegali li fis-snin riċenti bdiet tieħu t-terapija ta’ l-ormoni.
“Xahrejn wara beda jikbirli sidri. Anke s-saħħa ta’ raġel tibda tonqoslok. Filli kont nerfa kaxxa daqs din il-mejda u filli qed inbati. Kelli nieqaf anke mix-xogħol li kelli qabel. ”
Tieqaf għal ftit u tgħidli: “Darba fix-xahar inħoss l-effetti kollha li tħoss mara qabel il-period minħabba li nieħu l-ormoni ta’ mara. Imma ovvjament ma narax demm.”
Tkellimni dwar kemm jaqblu flimkien hi u Sue. “Il-mara tgħini anke fl-ilbies. Ġieli tgħidli biex nilbes xi ħaġa oħra għax inkun iktar pulita.”
Issa li Brenda qed tgħix il-ħajja ta’ mara l-klima fid-dar tjiebet aktar għaliex qed tmidd idha wkoll fil-faċendi.
Timpressjonani l-imħabba bla kundizzjoni f’din il-familja. Sue, il-mara ta’ Brenda, hija xempju ta’ kif wieħed jipprattika dak li jwiegħed fuq l-altar: sa ma l-mewt tifridna.
“Bqajna nilbsu ċ-ċurkett taż-żwieġ. Jien għadni miżżewġa lil Sue,” tgħidli Brenda. “We are 2 souls loving each other. It’s not sex…it’s deeper. Hija l-imħabba vera.” Din il-frażi twassalni biex insaqsiha dwar il-ħajja sesswali tagħhom. “M’affettwatx. Xorta bqajna nkunu ntimi flimkien imma bħala żewġ nisa flimkien.”
L-appoġġ bejn koppja huwa s-sisien ta’ relazzjoni b’saħħitha u Sue u Brenda jgħixu dan il-valur kontinwament.
“Kienet Sue li sabitli xogħol ġdid. Daħħlitni naħdem magħha. Il-manager tagħna huwa bniedem eżemplari li għaraf jimxi kif suppost f’dan il-każ delikat.” Tistqarr imma kif il-parti kbira tas-soċjetà għadha moħħha magħluq.
“Ħaddiem ma ħalliniex nuża toilet tan-nisa fuq il-post tax-xogħol.” Brenda tgħidli li din mhix l-uniku problema. “Kellna nbigħu d-dar u naħarbu mir-raħal li konna ngħixu fih minħabba z-zekzik tan-nies.”
Issa t-tnejn iħossuhom li bdew ħajja ġdida f’lokalità differenti. “In-nies tafni bħala Brenda u forsi għalhekk li s-sitwazzjoni hija aktar faċli.”
Fis-soċjetà xorta waħda tibqa’ maħkuma mill-istigma. Issemmili l-problema tal-karta ta’ l-identità li sakemm ma tagħmilx l-operazzjoni se tibqa’ bl-isem ta’ raġel. U mitt każ ieħor.
“L-isptar tefgħuni f’sala ma’ l-irġiel. Ċerti kummenti jweġġgħuk ukoll bħal meta security fl-isptar għajjarni u bħal meta kont imkaxkra minn club għax jien transesswali.”
Kos il-ħruġ. Baqa l-istess? Titbissem u tgħidli: “Inħobbu mmorru nieklu barra flimkien. Ġieli jaħsbuna aħwa! U ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li hija marti.”
Insaqsiha jekk tħosshiex qrib Alla. It-tweġiba għal xi ftit tissummani.
“Meta kont naħdem fid-deżert l-Isqof ta’ Bengazi kien ħabib tiegħi u dak li qalli għadni nemmnu sal-lum. Jekk trid titlob lil Alla tista’ titlob fir-ramel f’nofs ta’ deżert. Tista’ titlob waqt li tkun f’kamartek. Alla xorta jisimgħek u jagħtik risposta.”
Impressjonanti s-sens pożittiv li għandha Brenda. Tgħidli kemm issa hi mara kuntenta aktar minn qatt qabel għax qed tgħix il-ħajja kif tixtieq tgħixha.
“Aċċettajt lili nnifsi u issa għandi missjoni biex ngħin anke b’din l-intervista lil dawk it-transesswali li għadhom ma sabux l-għajnuna meħtieġa.”
Ġimagħtejn oħra Brenda u Sue se jispiċċaw mingħajr xogħol għaliex il-post li jaħdmu fih se jżarma n-negozju. Brenda tfakkarni fil-hobby li għandha: “Jien kont biker, ta. Għadni nsomma! Kull nhar ta’ Ħadd noħroġ bil-mutur ma’ mijiet oħra b’dan id-delizzju. Tiġi magħna?”
Jiena mhux xi waħda li nifhem wisq fil-muturi. Xi sentejn ilu lil sieħbi ġurnalist ieħor kont ikkonvinċejtu jbigħ żewġ muturi għax kont ngħidlu li perikolużi. Imma għal Brenda lesta li nagħmilha.