12 ta' Novembru 2006 • Nr 2



 

 

 

 

12 ta' Novembru 2006 - Il Punt
L-Air Malta llum

Kif jaf kulħadd l-Air Malta għaddejja minn żmien interessanti ta’ sfidi kbar minn ħafna naħat. L-ikbar sfida li hemm fil-preżent hi li m’aħniex noħolqu biżżejjed flus biex inlaħħqu ma’ l-ispejjeż ta’ l-operat tagħna, li l-biċċa kbira, il-kumpanija m’għandiex kontroll fuqhom.
F’dan l-aħħar sentejn ikkonċentrajna ħafna biex innaqqsu l-ispejjeż tagħna u f’dan il-qasam kellna suċċessi. Jekk wieħed jelimina l-ispiża tal-fuel, l-ispejjeż ta’ l-operat naqqasnihom bi Lm12-il miljun f’dawn l-aħħar sentejn.
Punt importanti li għinna biex nagħmlu dan kien ir-Rescue Plan li ffirmajna ma’ l-erba’ unions f’Mejju 2004.
F’dan ir-Rescue Plan il-ħaddiema kienu qablu li jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom u l-management kien ikkommetta ruħu mal-ħaddiema u mas-sid tal-kumpanija – il-Gvern – li jikseb aktar tnaqqis fl-ispejjeż. Dak li konna ftehimna f’dan il-pjan intlaħaq kollu.
Minkejja dan, il-mod kif tela’ sparat il-prezz taż-żejt f’dawn l-aħħar sentejn, xorta ġabna f’pożizzjoni li ħafna mill-ispejjeż li ffrankajna ttieklu mill-prezz tal-fuel. F’dawn l-aħħar sentejn il-prezz taż-żejt tela’ minn taħt it-$30-il barmil għall-fuq minn $75. Għalkemm dan l-aħħar ftit ġimgħat il-prezz taż-żejt niżel xi ftit xorta għadu d-doppju ta’ dak li kien sentejn ilu. Bħal kumpaniji ta’ l-ajru oħrajn daħħalna fuel surcharge, iżda din la kienet biżżejjed biex tlaħħaq maż-żieda tal-prezz taż-żejt u lanqas ma stajna ndaħħluha fil-ħin minħabba n-natura tas-suq. Huwa ferm diffiċli li tgħaddi fuel surcharge lit-Tour Operators meta dawn ikunu diġà ħarġu l-brochures tagħhom. Ukoll, l-aħħar surcharge li ħriġna kien meta ż-żejt laħaq il-$50-il barmil u għalhekk l-aħħar żiedet fil-prezz taż-żejt qatt ma koprejnihom. Jirriżulta wkoll f’dan il-perijodu li l-prezzijiet ta’ l-ajru waqgħu minħabba f’kompetizzjoni qawwija u ddgħajfu ħafna jew neħħew għal kollox l-effett tas-surcharges.
Bħalissa qegħdin nikkonċentraw ħafna fuq dħul ta’ flus għall-kumpanija. Fis-sajf id-dħul tagħna mill-operat żdied b’madwar Lm8 miljun. Ħafna minn din iż-żieda ġejja mis-suċċessi li għamilna fl-implimentazzjoni tar-Revenue Management System li daħħalna xi sena u nofs ilu. B’din is-sistema nistgħu nikkontrollaw il-prezzijiet u r-reservations tagħna u b’hekk nużaw aħjar is-siġġijiet li jkollna fuq it-titjiriet. Iżda jonqos iżjed xi jsir.
L-ispejjeż iridu jonqsu iżjed u d-dħul jiżdied iktar. Hemm bżonn inkomplu bir-ristrutturar tal-kumpanija billi nkunu ċerti li l-prattiċi tax-xogħol ta’ l-impjegati jkunu preċiż skond l-esiġenzi u n-natura tax-xogħol tagħna.
Hekk, per eżempju l-istaġjonalità li ġejja mill-fatt li aħna naħdmu fl-industrija tat-turiżmu għandha tkun riflessa wkoll bil-mod kif aħna nħaddmu n-nies tagħna. Irridu wkoll nibqgħu naħdmu biex nagħmlu outsourcing intelliġenti biex niffrankaw l-ispejjeż u ntejbu s-servizz. S’issa diġà għamilna hekk fit-tindif ta’ l-ajruplani, fit-telephone reservations u fl-IT. Qegħdin niddiskutu mal-unions f’oqsma oħra fejn dan jista’ jsir u sejrin inkomplu nfittxu outsourcing ieħor.
Min-naħa l-oħra rridu nkomplu nżidu d-dħul tagħna. Kontra dak li qiegħed jingħad, l-Air Malta qatt ma kellha monopolju hawn Malta għax dejjem ikkompetiet fuq ir-rotot prinċipali tagħha ma’ linji oħra kemm fuq skeda kif ukoll charters. Għalhekk, la ma taħdimx fi stat ta’ monopolju, il-prezzijiet ma tiddettahomx hi imma jistabbilixihom is-suq. Issa li daħlu iżjed low cost airlines hawn Malta, l-Air Malta trid tiffaċċja din l-isfida wkoll. Dan sejrin nagħmluh mhux billi nippruvaw nikkupjawhom imma billi nifhmu u nispjegaw sew id-differenzi kbar li hemm bejn il-prodott li noffru aħna u bejn il-prodott li joffru huma, u nimmiraw lilna nfusna għal dik il-parti tas-suq li tappella għall-prodott tagħna.
Hekk, per eżempju, aħna noffru struttura ta’ prezzijiet varjata, li parti minnhom huma flessibli, jiġifieri jistgħu jinbidlu jew jiġu kkanċellati. Minbarra l-prodott ta’ l-economy għandna wkoll il-prodott club fuq ħafna rotot fejn noffru servizz superjuri. Noffru wkoll inflight entertainment li jinkludi films, ikel, xorb u gazzetti b’xejn. Inġorru merkanzija fl-ajruplani tagħna wkoll, servizz li hu importanti ħafna għall-industrija Maltija. Nippermettu li l-passiġġieri tagħna jġorru iżjed bagalji mingħajr ma nżidu l-prezz u nħallu passiġġieri li qed jivvjaġġaw flimkien li jaqsmu l-piż tal-bagalji li jkollhom bejniethom. Aħna ntiru għall-ajruporti ewlenin fl-Ewropa, bħal Heathrow, Gatwick, Frankfurt, Malpensa u Fiumicino, mhux ajruporti sekondarji li huma bogħod ħafna mill-belt fejn ikunu sejrin il-passiġġieri.
Minbarra hekk aħna nbigħu l-biljetti b’ħafna modi inkluż l-internet, bit-telefon, mingħand aġenti ta’ l-ivvjaġġar u mingħand tour operators.
Il-low cost airlines jaħdmu biss bl-internet, u ftit bit-telefon, b’rati għoljin. Aħna naħdmu wkoll ma’ organizzaturi ta’ konferenzi. Dan hu suq importanti ħafna għal Malta speċjalment fix-xitwa. Attrezzati tajjeb biex inġorru gruppi filwaqt li l-low cost airlines jikkonċentraw iżjed fuq traffiku individwali. Noffru wkoll programm attraenti li jismu Flypass biex naqdu lil dawk il-klijenti li jtiru magħna ta’ spiss.
Madankollu se nsaħħu t-taħriġ li nagħtu lill-impjegati tagħna, speċjalment dawk l-impjegati li għandhom kuntatt dirett mal-passiġġieri biex intejbu kemm nistgħu l-livell ta’ servizz li nagħtu. L-għan tagħna hu li nżommu l-klijenti li għandna biex dawn jibqgħu dejjem itiru magħna.
Ċert li l-bord, il-management u l-impjegati ta’ l-Air Malta, huma kapaċi biżżejjed li jilqgħu dawn l-isfidi kif laqgħu sfidi oħra fil-passat tal-kumpanija.
Ċert ukoll li l-impjegati tagħna jifhmu sew dan il-kunċett u fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom, u kollha flimkien, naħdmu biex il-kumpanija jkollha ġejjieni tajjeb u sostenibbli.

Cappello huwa CEO ta’ l-Air Malta