Jekk hijiex marda kronika għadni ma skoprejtx imma li naf żgur hu li fil-vini tad-demm Malti għandna din l-infezzjoni qawwija li ma nafx meta se nikkurawha.
Nagħmlu x’nagħmlu rridu bilfors nagħtu l-iskossi. Donnu m’hemm xejn li nippjanaw suriet in-nies u dak li nipproġettaw fuq il-karti nwettquh bl-aħjar mod, mingħajr sulluzzu u nlestuh fil-ħin.
Il-marda tkompli tiggrava meta minflok nirrikorru għall-kura tagħha nibqgħu ngħaddsu rasna fir-ramel u nsibu l-iskużi kollha immaġinabbli biex niġġustifikaw li m’hemm xejn x’tagħmel għax “aħna hekk magħġunin”; bħallikieku din il-marda hija t-timbru uffiċjali ta’ l-identità nazzjonali tagħna. Minn fuq noqogħdu nippontifikaw kemm għandna livell ta’ kwalità għolja u kemm m’hawnx bħalna jekk iddur id-dinja. Li jdejjaqni f’din il-ħaġa hija kemm nifilħu nidħku bina nfusna u nħallu lil min jitmejjel bina f’wiċċna. Semmuli proposta waħda, inizjattiva oriġinali, proġett wieħed jew xi miżura li ġiet introdotta mingħajr skossjaturi. Allaħares kelli nniżżel il-lista sħiħa għax kieku l-paġni ta’ din il-gazzetta ma jservunix.
Din x’biċċa hi? Żarmajna s-servizz tal-ħelikopter li kienet tipprovdi kumpanija sussidjarja ta’ l-Air Malta, tajnih lill-kumpanija Spanjola u litteralment spiċċajna minn ġot-taġen għal ġon-nar! Allajbierek, jaqbdu u jitilqu u għal ġieħna waqt li kienu għaddejjin negozjati mal-gvern, u qisu ma ġara xejn, bl-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti jibqgħu jittewbu!
Jew l-oħra: nibnu sptar fost l-ikbar fl-Ewropa, nonfqu l-miljuni u Alla biss jaf minn fejn se jkollna nġibu l-miljuni biex inżommuh miftuh. Suppost li se jiftah tmien xhur oħra u sal-lum l-impjegati, il-professjonisti mediċi u l-paramediċi lanqas jafu x’laqathom. Imma l-aqwa li ġejna fil-ħames post għall-aħjar servizz tas-saħħa fid-dinja! Inserrħu rasna mela tafux!
Bħall-kwistjoni tal-pensjonijiet. Il-gvern jgħid li l-problema nilqgħulha minn issa biex la tiġi ma taħsadniex. Jagħmel proposta iżda b’nofs sajran. Il-proposta tal-gvern iktar ġabet mistoqsijiet milli solviet problemi. Mhux ta’ b’xejn ħafna pensjonanti baqgħu b’xiber imnieħer bl-anomaliji li jeżistu fis-sistema tal-pensjonijiet.
U mhux ta’ b’xejn lanqas iż-żgħażagħ għadhom ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu jekk hux se jkollhom jixtru pensjonijiet privati jew jidħlux fi skemi ta’ irtirar ma’ min iħaddimhom. Biex tgħaxxaqha l-gvern alternattiv iddikjara li l-problema veru teżisti iżda m’hemmx għaġla biex insolvuha. Għad irridu nistudjawha sew, niddiskutuha, nanalizzawha, niftehmu bejnietna u mbagħad naraw biex noħorġu.
U xi ngħidu għall-iskoperta ta’ kif tista’ titnaqqas is-soprataxxa fuq il-fuel b’40% jew 50%?
Qalulna li din tista’ ssir minn żewġ sorsi: mit-tnaqqis tat-taxxa tal-VAT u mit-tqaċċit ta’ l-ineffiċjenza fl-Enemalta. Jista’ xi ħadd, jispjegali sewwa b’eżempju konkret?
Il-poplu taf x’fehem: tnaqqis fuq il-VAT ma jistax ikun hemm għax ħlas tal-VAT ma jsirx jew fejn isir ikun rifondut; u l-ineffiċjenza fl-Enemalta ma taffettwax il-prezz taż-żejt li jinxtara minn barra. U din ta’ l-ineffiċjenza xi tfisser? Li trid issir riforma fl-Enemalta biex jinbidlu l-prattiċi tax-xogħol u niddikjaraw ħaddiema żejda, ħalli jiġu ffrankati eluf ta’ liri fi spejjeż? Spjegawlna jaħasra!
Għalfejn isiru dawn il-ħafna kampanji fuq bażi nazzjonali biex ma jwassluna mkien? Se nibqgħu ngħollu l-aspettattivi taċ-ċittadini u kulħadd jibqa’ b’idu f’idu?
Jien ngħid li kellha raġun l-Alternattiva Demokratika tqajjem kuxjenza u tiġbor petizzjoni dwar il-liġi tal-kera. Imma b’daqshekk inbidel xi ħaġa? Min iħallas il-kera baqa’ bis-sulluzzu u min idaħħal il-kera baqa’ bl-iskoss fil-vojt! Bħall-istorja tal-festi pubbliċi li tant saħqu fuqha l-unions tal-pajjiż. Ħafna xenati u stqarrijiet u dikjarazzjonijiet ta’ rebħa fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-ħaddiem baqa’ b’xiber imnieħer għax dak li ried jagħmel il-gvern xorta għamlu u għadu fis-seħħ sal-lum! U l-ġranet frank addizzjonali għall-festi pubbliċi li jiġu s-Sibt u l-Ħadd taru mar-riħ!
Ma rridx noqgħod inħambaq dwar ir-responsabiltà politika, li min hu mgħobbi biha jrid jerfagħha bis-serjetà u allura jwarrab meta jfalli f’ħidmietu. Imma x’biċċa hi din li ta’ kull sena l-Awditur Generali jikxef irregolaritajiet u kollox jibqa’ għaddej fuq ir-rubini, anzi, minn fuq jispiċċa investigat hu? X’messaġġ qed nibagħtu lill-poplu, li fejn hemm ineffiċjenzi, traskuraġni u tberbiq ħadd ma jaħti? U meta se niddeċiedu biex nagħtu ħanek snien lill-Ombudsman? X’sens jagħmel li ċ-ċittadin imur iperreċ l-inġustizzja jew id-diskriminazzjoni li jkun sofra u wara li jingħata raġun jibqa’ bla rimedju? Biex inwaqqfu istituzzjonijiet għaz-zokk, ma nagħmlu xejn!
Oħroġ il-għaġeb kif għaddielna s-sulluzzu għax organizzajna l-lejl imdawwal fil-Belt Valletta. Irridu iktar nies imorru l-Belt, iżda wara n-Notte Bianca xorta bqajna bit-toroq tal-Belt imħattbin, bid-dawl mitfi, bil-funtani ma jaħdmux, bil-postijiet storiċi magħluqin! U minn fuq irridu niġbdu t-turisti lejna.
Anzi fl-aħħar wasal il-Park & Ride, wara ħafna skossi, u l-proġett għadu mhux komplut!
Jew inkella fi żmien Borg Olivier konna nitkażaw għax dan kien spiss jaqta’ ż-żigarella. Mela xi ngħidu llum!
Jiltaqa’ l-kabinett jiddeċiedi xi ħaġa u arana niddandnu bl-aħbar. L-idea tkun għadha fil-ġuf u nagħtu l-impressjoni li twettqet u twettqet bil-kbir. Eżempji klassiċi kemm trid: se jsiru 400 triq residenzjali. Meta, kif u kome għad irridu naraw iżda bilkemm ma nippretendux li dawn ir-residenti jagħmlu stqarrija pubblika ta’ ringrazzjament lill- Ministru Mugliett.
L-istess bħat-800 miljun ewro! Għadhom ġejjin u nafu li dawn jingħataw bis-sulluzzu u mhux bil-quddiem iżda għalina kważi diġà qed inħossu s-sodisfazzjon tal-mod kif infaqnihom! Lanqas temmen. L-istess bl-iSmart City! Iffirmajna l-heads of agreement, qisu konvenju, u bilkemm ma nippretendux li naraw ir-Rikażli miżgħudha biż-żgħażagħ, mhux biex jaħdmu bħala extras f’xi film li qed jinħadem fit-tank tar-Rinella, iżda biex jimpjegaw ruħhom f’xi kumpanija tal-IT.
Kulma kien jonqos jgħidulna kien “Aslu wasla sa Rikażli u m’għandkomx għalfejn toqogħdu ssiefru lejn Dubaj!”
X’ma jaqbdekx is-sulluzzu b’dawn l-iskossi kollha!