Pajjiż demokratiku ma jfittixx biss dak li jaqbel għall-maġġoranza iżda jħares ukoll id-drittijiet tal-minoranzi.
Illum din il-gazzetta qed titfa’ dawl ġdid fuq il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni transesswali f’pajjiżna. L-intervista ma’ Brenda u r-rappurtaġġ estensiv fuq sitwazzjonijiet imbarazzanti li jinqalgħu minħabba nuqqas ta’ apprezzament għad-diversità huma maħsuba biex iniggżu l-kuxjenza pubblika.
Għad hemm wisq preġudizzji kontra persuni ta’ orjentazzjoni sesswali differenti. Preġudizzji li jwasslu għal biża’ bla bżonn, diskriminazzjoni u żebliħ li jbaxxi d-dinjità tal-persuna.
Il-fatt sempliċi li l-isptar pubbliku f’Malta m’għandux politika ta’ kif jittratta ma’ pazjenti transesswali jista’ jpoġġi mhux biss lill-pazjent, iżda wkoll lill-infermiera u lit-tobba, f’sitwazzjonijiet imbarazzanti.
Politika ċara u applikabbli għal kull qasam fl-isptar tgħin biex tagħmel il-ħajja ta’ pazjenti transesswali inqas trawmatika meta jkollhom bżonn iżuru l-isptar.
Jeżistu problemi oħra f’setturi oħra. Mhux faċli għal persuna transesswali li tmur il-bank, jew titwaqqaf f’road block jew issiefer u tipprova tispjega kull darba għalfejn il-karta ta’ identità jew il-passaport qed juru wiċċ u isem ta’ raġel filwaqt li l-persuna tkun femminili.
U f’dan il-kuntest il-politika jeħtieġ li tibda toffri soluzzjonijiet konkreti.
Kaċċa fir-rebbiegħa
L-istqarrija libelluża li ħarġet il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi biex tipprova tgiddeb l-istorja ewlenija li dehret f’Illum il-Ħadd li għadda kienet frott il-paniku ta’ xi wħud.
M’aħniex se noqogħdu nwieġbu l-insinwazzjonijiet li ntqalu fl-istqarrija u li kienu ripetuti fil-programm Bondi Plus ta’ nhar it-Tlieta li għadda.
Il-fatti huma fatti u llum qed nippubblikaw iktar dettalji dwar il-laqgħa tal-kumitat Ornis li ddeċidiet li l-istaġun tal-kaċċa fuq l-art għandu jagħlaq fl-20 ta’ Jannar.
Jekk il-kumitat ma jiddeċidix li jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa f’xi żmien ieħor wara Jannar, xi ħaġa li twassal messaġġ negattiv ħafna lill-Ewropa, allura l-kaċċa fir-rebbiegħa ma tkunx tista’ ssir. Il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi madankollu tibqa’ tmeri s-sewwa magħruf.
Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż sezzjoni tal-popolazzjoni tibqa’ tħoss li tista’ tagħmel li trid sempliċiment għax hija liċenzjata li żżomm senter. Iż-żmien tat-tisbit ilu li għadda. Jeħtieġ li r-raġuni tirbaħ u kull persuna b’rasha fuq għonqha taf li ħafna mill-kaċċaturi Maltin ma tistax tafdahom li fir-rebbiegħa jisparaw biss fuq is-summien u l-gamiem.
Kellna wisq eżempji ta’ għasafar protetti li nqatlu saħansitra quddiem għajnejn nies komuni bħalma kien ġara bil-qtil taċ-ċinji f’Wied il-Għajn.
Wasal iż-żmien li l-kaċċa fir-rebbiegħa tispiċċa darba għal dejjem.
Mibjugħa kollha
Mintix waħdek jekk nhar il-Ħadd li għadda ma sibtx minn fejn tixtri l-gazzetta Illum. L-għatx tan-nies għal gazzetta ġdida bil-Malti u forsi anki l-kurżità wasslu biex Illum tinħataf qisha pastizzi mill-ħwienet.
Nirringrazzjawkom ta’ l-appoġġ u biex ma nħallu lil ħadd diżappuntat illum stampajna d-doppju tal-gazzetta.